Wednesday, September 17, 2025

‘Ħerqan ħafna biex jibda l-istagun … it-Tieni Diviżjoni se tagħtini opportunitá aħjar biex niżviluppa u biex nikkompetu bħala tim’ – Miguel Baldacchino

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?

L-imħabba tiegħi lejn il-basketball bdiet minn etá żgħira, meta rajt lil missieri Adrian Baldacchino jilgħab. Kien ta’ ispirazjoni kbira għalija u waħda mill-ikbar raġunijiet għaliex bdejt nilgħab. Is-sabiħ tal-basketball ukoll hi li tkun parti minn tim u ssib ħbiberja fi sħabek tat-tim u n-nies li jagħmlu parti mill-komunitá tal-basketball.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Valletta Knights fit-Tieni Diviżjoni?

Jiena ħerqan ħafna biex jibda l-istagun. Se tkun esperjenza ġdida għalija minħabba li fl-istaġun li għadda lgħabt fl-Ewwel Diviżjoni, peró t-Tieni Diviżjoni se tagħtini opportunitá aħjar biex niżviluppa u biex nikkompetu bħala tim. Bil-gwida u l-fiduċja li tani l-kowċ Carmel, se nagħti l-aħjar sforż tiegħi ħalli t-tim tagħna jasal fejn hemm bżonn.

Iddeskrivi l-esperjenzi preċedenti tiegħek fil-basketball u kemm tgħallimt minnhom.

Il-logħba tal-basketball tgħallimt ħafna minnha u nħossni fortunat li kelli diversi esperjenzi u plejers ta’ esperjenza ta’ gwida kbira bħala plejer tal-basketball. Fost dawn l-esperjenzi l-iktar li nibqa’ niftakar hi meta rbaħt il-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni sentejn ilu. Kelli lil missieri bħala kowċ u dik is-sena kellna tim tajjeb b’ħafna plejers ta’ esperjenza jiggwidawni. Plejers bħal Hubert Aguis u Daniel Farrugia kienu plejers li għenuni bis-sħiħ nitgħallem xi tfisser biex tilgħab u naqra l-logħba u kif nista’ nkun kapaċi nikompeti u nagħmel li jkun hemm bżonn għall-ġid tat-tim.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-basketball f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-basketball f’pajjiżna nħoss li qed jiżdied. Bis-saħħa tal-assoċjazzjoni tal-basketball f’Malta, l-MBA, qed ikun hemm iktar tfal jilagħbu l-basketball minn meta kont fi tfuliti. Dan permezz tal-A u l-B leagues fis-sezzjonijiet tal-youths li jagħtu opportunitá liż-żgħażagħ biex ikollhom iktar ħin jilagħbu. B’hekk ikollna iktar potenzjal ta’ plejers li kapaċi jippromettu. Dan filwaqt li fil-logħba tal-Ewwel Diviżjoni, iż-żieda tal-‘local foreigner’ tagħti possibiltá biex plejers barranin li saru parti mill-komunitá ikollhom ċans jilagħbu u jikkompetu ma’ plejers Maltin. Din tagħti sfida u tgħin bis-sħiħ lill-plejer Malti biex ikun kapaċi jiġġieled iktar għal postu.

U dak tar-riżorsi (courts) fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Il-Malta Basketball Association għamlet xogħol tajjeb ħafna ta’ rinovazzjoni tal-Padilljun f’Ta’ Qali u b’hekk tat opportunitá lit-tim tiegħi u tal-komunitá biex tilgħab fi stadju nadif u b’ħafna spazju. Wieħed jista’ jmur jara u jagħti s-sapport tiegħu lit-timijiet lokali kif ukoll lit-tim nazzjonali Malti bħal meta saru l-kompetizjonijiet tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Malta. Il-courts ta’ barra huma ta’ benefiċċju kbir lill-komunitá peressli fihom bħalma ġieli nagħmel jien ukoll wieħed ikollu l-opportunitá jiftiehem ma’ sħabu u jagħqdu logħba bejniethom.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-basketball?

Preżentement narani nibqa’ mat-tim tal-Valletta nikkompeti fit-Tieni Diviżjoni. Jekk tiġini l-opportunitá u nħossni ppreparat nikkunsidra li nagħmel parti mit-tim tal-Ewwel Diviżjoni, peró biex nilħaq dak il-livell naf li fadali ħafna x’nipprattika. Hemm bżonn li nuri l-kapaċitá tiegħi bħala plejer fit-tim li qiegħed nilgħab miegħu issa. Jien ukoll kont għamilt żmien nikkowċja timijiet tal-U12, U14 u U16 tas-subien, peró, għal din is-sena waqaft biex niffoka iktar fuq il- karriera tiegħi bħala plajer. L-imħabba għall-kowċing ta’ dawn it-timijiet hemm għadha u ‘l quddiem nerġa’ nikkunsidra li nkompli. Is-sodisfazzjon li tara plejers żgħar telgħin hija sabiħa mmens.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-basketball u jkollu karriera ta’ suċċess f’dan l-isport.

Il-messaġġ li nixtieq ngħaddi għal min jixtieq jikseb suċċess fil-basketball u jipprattika hu biex isib kunfidenza fih innifsu u jkun reżiljenti. Il-Basketball huwa sport ferm sabiħ imma trid tkun int stess li taħdem fuqek innifsek u tipprattika. Dan jiġi billi tilgħab il-logħba kemm jista’ jkun u ssib ħin taħdem fuqek innifisek b’mod fiżiku billi tiġri u tmur il-gym. Bħala plajer trid tkun anke kapaċi taħdem fuqek innifsek b’mod mentali fejn trid tkun reżiljenti u tibqa’ tiġġieled għal postok fit-tim. Dan l-isforz irid jiġi anke meta ma jkollokx ħin fuq il-court jew ikollok logħba fejn ma tkunx lgħabt tajjeb li xorta ssib l-enerġija tneħħi kull tip ta’ apatija u tagħmel li hemm bżonn biex tgħin lit-tim tiegħek jissaħħaħ u jirbaħ il-logħob.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport