Wednesday, October 30, 2024

Hibernians eliminati mill-UEFA Champions League b’rashom mgħollija

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Hibernians ……..…0

Shamrock R. …….0

(Aggregate: Shamrock R. 3-0)

Hibernians sfaw eliminati mill-UEFA Champions League meta fit-tieni leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni, spiċ­ċaw fi draw ta’ mingħajr goals kontra Shamrock Rovers biex dawn tal-aħħar għaddew b’aggregate ta’ 3-0.

Fil-veritá kienet missjoni mpossibbli għall-Pawlisti wara li fl-ewwel leg huma ħarġu telliefa bl-iskor ta’ 3-0 … madankollu huma ma ddiżappuntawx minħabba li ppreżentaw wirja sodisfaċenti u qalbiena.

B’hekk, issa huma jilagħbu fit-tieni round fil-UEFA Europa Conferen­ce League kontra Levadia Tallinn tal- Estonja.

Għal Hibernians iddebutta l-coach Taljan Andrea Pisanu li ħa post Stefano Sanderra li fil-jiem li għaddew tħabbar li se jkun qed isir il-coach tal-Prima­vera ta’ Lazio fl-Italja.

Fl-14-il minuta waslet l-ewwel azzjoni min-naħa ta’ Hibernians meta Jake Grech ipprova jsib lil Dunstan Vella iżda Roberto Lopes kien pront u xeħet il-ballun f’corner.

B’mod gradwali Hiber­nians bdew jamministraw u kienu territorjalment aħ­jar iżda sabu difiża kumpatta u organizzata li annullat għal kollox l-attakki tagħhom speċjalment meta ppruvaw jikkrossjaw mill-faxex late­rali.

Peró, fil-45 minuta, Hibernians resqu viċin meta mill-cross ta’ Gabriel Artiles, Jurgen Degabrie­le xeħet ftit għoli minn po­żizzjoni ideali. Fil-ħin miżjud, Jake Grech seta’ għamel aħjar minn qagħda tajba iżda l-konklużjoni tiegħu falliet il-mira.

Fit-tieni taqsima, l-Irlandiżi komplew jiffullaw nofs il-ground biex għalqu l-ispazji u ma ħallewx lil Hibernians jimmanuvraw, tant, li l-goalkeper Alan Man­nus ftit li xejn ġie mpenjat.

Fl-64 minuta, wasal l-ewwel xutt min-naħa tal-Maltin meta Grech ittanta xortih mid-distanza, li iżda, fal­la l-mira.

Żewġ minuti wara, Ri­chard Towell skorja għal Shamrock iżda l-goal ġie ġus­tament imħassar għal offside.

Fil-ħin miżjud Mannus laqa’  fuq Jurgen Degabriele …  l-uniku xutt indirizzat lejh fit-tieni taqsima.

HIBERNIANS:  24-Ibrahim Kone, 6-Gonzalo Liema Bravo (Andreas Baeksov Laursen 84), 7-Ayrton Attard (18-Thaylor Aldama 68), 8-Jake Grech, 9-Tereence Groothusen, 10-Jurgen Degabriele, 12-Dunstan Vella, 13-Zachary Grech (17-Gabriel Mensah 75), 22-Gabriel Izquier Artiles (19-Joseph Zerafa 68), 42-Ali Diakite, 88-Rodolfo Soares (4-Lorenzo Yoel Soares Fonseca 84)  – Coach: Andrea Paisanu

SHAMROCK R.: 1-Alan Mannus, 3-Sean Hoare, 4-Roberto Lopes, 5-Lee Grace, 7-Dylan Watts (29-Jack Byrne 77), 8-Ronan Finn (2-Sean Gannon 77), 9-Aaron Greene (17-Richie Towell 57), 16-Gary O’Neill, 20-Rory Gaffney (38-Aidomo Emakhu 80), 22-Andrew Lyons, 26-Chris McCann (11-Sean Kavanagh 77)   – Coach: Stephen Bradley 

REFEREE: Manfredas Lukjancukas (Litwanja)

ASS. REFEREES: Vytenis Kazlauskas, Edgaras Bucinskas (Litwanja)

RABA’ UFF: Donatas Simenas (Litwanja)

SKORERS: Ħadd

AMMONITI: G. Burke, R. Finn, S. Hoare (SR), R. Soares, J. Degabriele, G. Liema Bravo, D. Vella, L. Y. Soares Fonseca (H)

Sport