Hibernians ħarġu rebbieħa fil-Finali Playoff tal-Kampjonat BOV Basketball fil-kategorija Amateur biex assiguraw it-titlu. Hibernians għelbu lil Qormi Dragons 3-0 fil-finali playoff tal-aħjar minn 5 logħbiet biex rebħu t-titlu.
Hibernians kienu t-tim superjuri fis-serje fejn bdew bi prestazzjoni dominanti biex ħadu rebħa b’distakk ta’ 30 punt bi skor ta’ 87-57 u l-vantaġġ fis-serje. Kellhom lil Teodor Gjurovski bi 30 punt u 15-il rebound flimkien filwaqt li Luke Attard kellu 27 punt u 7 rebounds.
Fit-tieni logħba, Hibernians kisbu rebħa oħra ta’ 90-67 fejn kellhom lil Stefan Simic bi 28 punt u 12-il rebound u Luke Attard ipprovda 7 assists mal-11 il-punt li kiseb.
It-tielet logħba kienet logħba missielta sal-aħħar minuti tat-tielet perjodu meta b’riżultat ta’ 61-59 għal Hibernians, Qormi tilfu lill-plejmaker Christoff għax weġġa fejn dan kellu 22 punt f’ismu. Minkejja l-isforzi qalbiena ta’ Qormi, Hibernians għalqu l-logħba b’riżultat ta’ 85-78 biex rebħu l-Kampjonat BOV Amateur għall-ħames Darba fl-istorja tagħhom.
B’64 punt u 28 rebound u 22 assist fis-serje finali, Stefan Simic ġie ddikjarar l-Aktar Plejer Valuż (MVP) tal-Finali Playoff u ngħata tifkira kommemorattiva minn Paul Sultana, President tal-Malta Basketball Association fil-preżenza ta; Ernest Agius, Uffiċjal Kap tal-Operazzjonijiet fil-Bank of Valletta..
Is-Sur Agius ipproċeda biex jippreżenta t-tazza tal-Kampjonat BOV Amateur tal-Basketball lill-captain ta’ Hibernians Luke Attard biex jibdew iċ-celebrazzjonijiet tar-rebħ tal-kampjonat.
Il-Bank of Valletta jappoġġja l-isports bħala forza li tgħaqqad lin-nies minn kull qasam tal-ħajja flimkien. L-appoġġ tagħna lill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball għandu l-għan li jrawwem sens ta’ komunità u opportunità għat-timijiet u l-partitarji tagħhom biex jinagħqdu u jiċċelebraw l-isports li tant iħobbu.
Hibernians huma ċ-Champions tal-Kampjonat BOV Amateur tal-Basketball
