Thursday, May 1, 2025

Hibernians jirkupraw żvantaġġ ta’ żewġ goals

Aqra wkoll

Żabbar St Patrick u Hibernians temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 2-2 f’logħba ta’ żewġ uċuh. Fil-fatt l-ewwel taqsima kienet kważi kollha kemm hi ta’ Żabbar li marru minn fuq u stabilixxew vantaġġ ta’ żewġ gowls bit-tieni taqsima li l-Pawlisti rkupraw u li fiha ħadu punt minn din il-partita.

Żabbar St Patrick bdew l-ewwel taqsima bil-kbir meta marru minn fuq hekk kif fit-12-il minuta, David Oliveira Souza qassam ballun tajjeb lejn Brian Gambarte li b’xutt tajjeb għeleb lil Pablo Sanchez bejn il-lasti Pawlisti.

Reazzjoni ta’ Hibernians fl-14-il minuta meta kien Bjorn Kristensen li qassam lil Jurgen Degabriele li xxuttja fil-baxx bil-goalkeeper Lukas Dod ta’ Żabbar li laqa’ tajjeb.

Fl-24 minuta, il-Pawlisti reġgħu heddew meta kien Kurt Shaw li ta cross mix-xellug sabiex reġa’ kien Jurgen Degabriele li b’xutt mill-ewwel ra l-ballun sejjer ftit barra.

Żabbar kellhom azzjoni offensiva meta Zachary Grech qassam lejn Stefan Ilic iżda fl-aħħar mument ġie antiċipat minn difensur ta’ Hibernians.

Iż-Żabbarin irduppjaw l-iskor fil-35 minuta meta kien Stefan Ilic li baqa’ jsegwi l-ballun u filwaqt li ssorprenda lill-goalkeeper Sanchez, xeħet il-ballun fix-xibka.

Mal-45 minuta, Vinicius de Paiva ta’ Żabbar kellu xutt minn barra l-kaxxa li Sanchez laqa’ tajjeb.

Sabiex l-ewwel taqsima għalqet 2-0 favur Żabbar.

Hibernians inbidlu mil-lejl għan-nhar fit-tieni taqsima meta bdew iżidu aktar l-attakk tagħhom. Fis-57 minuta, xutt mill-ewwel ta’ Lukas Vilella Lapert spiċċa barra.

Dan kien il-preludju għall-gowl ta’ Hibernians li wasal fil-61 minuta hekk kif l-istess Vilella indirizza xutt li bih għeleb lil Dod.

Iż-Żabbarin dehru konfużi u dlonk qalgħu t-tieni gowl meta kien Alfred Hamanjola Silas li rnexxielu jegħleb lil Dod għat-tieni darba sabiex ta punt drammatiku għall-Pawlisti.

Żabbar ippruvaw jiskorjaw il-gowl tar-rebħa hekk kif Marcelo Barros kellu x-xutt tiegħu jispiċċa barra.

B’hekk iż-żewġ naħat temmew l-impenji tagħhom fil-kampjonat 360 Sports Malta Premier b’Żabbar li għal sena oħra se jkunu qed jilagħbu mal-kbar b’Hibernians li issa jippruvaw jmorru aħjar fl-FA Trophy meta jilagħbu s-semifinali kontra Ħamrun Spartans.

Żabbar St Patrick: 32 – Lukas Dod, 9 – Sean Gatt, 10 – Brian Ariel Gambarte, 11, Stefan Ilic (95– Marcelo Barros 55 min) Antonio Pio Iervolino, 16 – Izaak Etim Akpan, 21 – Strahinja Jovancic, 22 – Isaac James Thomas Davie (13 – Zachary Grech 27 min), 28 – Vinicius de Paiva, 29 – Dion Fava, 99 – David Oliveira Souza (Kristian Keqi 55 min).

Hibernians: 1 – Nino Pablo Sanchez (30 – Hugo Sacco 46 min), 4 – Alfred Hamanjoda Silas (18 – Lyon Abela 80 min) , 5 – Kurt Shaw, 7 – Lukas Vilella Lapert, 10 – Jurgen Degabriele (25 – Timothy Evi Parker 80 min), 11 – Bjorn Kristensen, 17 – Isaiah Chukunyere, 19 – Stanislav Sorokin (13 – Jake Portelli 92 min) 22 – Ilias Martinis Apostolos, 23 – Matthew Ellul, 99 – Rui Bruno Fragoso Monteiro Ribeiro.

Referee: Joseph Scerri.

Ass. Referees: Duncan Spencer, Paul Apap.

Raba’ Uffiċjal: Vladimir Rizoski.

Skorers: Brian Ariel Gambarte 12 min, Stefan Ilic 37 min (Ż), Lucas Vilella 61 min, Alfred Hamanjoda Silas 79 min (H)

Ammoniti: Lukas Dod , Brian Gambarte (Ż)

Player tal-Logħba: Stefan Ilic (Żabbar St Patrick)

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport