Sunday, December 22, 2024

Hibernians jirreġistraw rebħa wara ħasda kmieni

Aqra wkoll

Naxxar Lions ……..1

Hibernians ………..2

Wara ħasda inizjali u permezz ta’ reazzjoni mill-aqwa grazzi għal sforz kollettiv u wirja ta’ karattru, Hibernians, dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Naxxar Lions bl-iskor ta’ 2-1.

Din il-partita kellha żewġ uċuh hekk kif in-Naxxarin kienu l-aħjar team matul l-ewwel taqsima iżda daħlu jistrieħu f’paritá ta’ 1-1 liema goals waslu t-tnejn mill-11-il metru.

Iżda fit-tieni taqsima, Hibernians qamu għall-okkażjoni u kienu huma li ddettaw il-logħob bil-konsegwenza li skorjaw dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa.

Kienu Naxxar li fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu li ħolqu fil-21 minuta meta rebħu penalty, biex mill-11-il metru CAXAMBU ma zbaljax.

Man-nofs siegħa logħob, Matheus Taumaturgo resaq viċin li jirdoppja l-iskor għal Naxxar permezz ta’ xutt minn tarf il-kaxxa li għadda ftit barra.

Madankollu, Hibernians ġabu l-iskor indaqs fl-34 minuta meta ngħataw pe­nalty  wara li Pedro Vitor waqqa’ lill-captain Bjorn Kristensen fil-kaxxa.

Mill-11-il metru, inkariga ruħu ALEX BRUNO li ma ħafirx.

Fit-38 minuta, il-Lions tilfu ċans tad-deheb li jerġgħu jmorru fil-vantaġġ meta wara li rċieva minn cross mil-lemin ta’ Caxambu, Pedro Vitor, spara għoli minn pożizzjoni ferm ideali.

Eżatt qabel tmiem l-ew­wel taqsima, in-Naxxar appellaw għal penalty meta sostnew li kien hemm handball fil-kaxxa iżda kollox kien normali għar-refe­ree, Daniel Portelli.

Fit-tieni taqsima, Hibernians dehru ttrasformati u fit-52 minuta dawru l-iskor favur tagħhom meta Alex Bruno żmark lil JURGEN DEGABRIELE li  mill-viċin ma kellu l-ebda diffikultá jitfa’ l-ballun fix-xibka.

Fl-74 minuta, Naxxar wieġbu permezz ta’ corner dirett mil-lemin ta’ Caxambu li ġie salvat mill-goalkeeper tal-Pawlist, Hugo Sacco.

Naxxar ipprovaw jibnu pressjoni fuq il-lasti avversarji fit-tentattiv li jsalvaw il-partita iżda sabu d-difiża ta’ Hibernians ferm kumpatta u organizzata li annullat għal kollox l-attakki tagħhom biex ikkontrollaw kull sitwazzjoni li setgħet tagħmel xi forma ta’ ħsara lejn il-lasti difiżi tant tajjeb mill-goalkeeper Sacco.

NAXXAR L.: 1-Matthias Debono, 4-Pedro Vitor Gualberto De Assis Barreto, 7-Takuma Yamaguchi, 8-Neil Pace Cocks (3-Nikolai Micallef 63), 9-Frederico Matheus Lima Taumaturgo, 15-Ryan Gilmour Cassar, 20-Sergio De Almeida, 23-Caxambu, 25-Fernando Pereira Barbosa (19-Gustavo Barbosa Santos 63), 31-Degran Jackson (10-Edson Cerqueira Farias 87), 44-Ito Yasukaze   – Coach: George Vella

HIBERNIANS: 30-Hugo Sacco, 5-Kurt Shaw, 8-Rodrigo Fraga, 10-Jurgen Degabriele (17-Isaiah Chukunyere 70), 11-Bjorn Kristensen, 14-Dexter Xuereb, 20-Federico Falcone (2-Kleiton Lima Basilio 80), 21-Alex Bruno De Souza Silva (7-Ayrton Attard 80), 29-Giannis Bastianos, 44-Henrique Nunes Silva, 99-Gabriel Alves Fernandes (23-Matthew Ellul 80) – Coach: Branko Nisevic

REFEREE: Daniel Portelli

ASS. REFEREES: Mitchell Scerri, Mark Ciantar

RABA’ UFF: Emanuel Grech

SKORER: Caxambu pen. 21 (NL), A. Bruno pen. 34, J. Degabriele 52 (H)

AMMONITI: P. V. Gualberto De Assis Barreto, N. Pace Cocks, F. M. Lima Taumaturgo, D. Jackson, E. Cerqueira Farias (N), K. Shaw, H. Sacco (H)

Ekonomija

Sport