Minn Cristian Muscat
Floriana ………..1
Hibernians …..4
Floriana ċedew il-quċċata tal-klassifika meta sfaw umiljati minn Hibernians bl-iskor ta’ 4-1 biex dawn tal-aħħar issa huma l-kmandi assoluti tal-Kampjonat Premier.
Kienu Floriana li ħolqu l-ewwel periklu meta fl-10 minuta Ryan Camenzuli indirizza cross li sab lil Kemar Reid li kellu d-daqqa ta’ ras salvata mill-goalkeeper, Ibrahim Kone.
Peró, fis-16-il minuta Hibernians fetħu l-iskor meta Jake Grech għadda lejn JURGEN DEGABRIELE li avvanza u permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ ġewwa.
Fl-24 minuta, il-Pawlisti rduppjaw meta Jake Grech indirizza cross insidjuż li sab lil DUNSTAN VELLA li mattar siequ, bil-ballun jintemm fix-xibka.
Tliet minuti wara, huma kabbru l-vantaġġ meta Thaylor Aldama kellu l-konklużjoni tiegħu tistampa ma’ sieq il-wieqfa, biex daħal tajjeb JURGEN DEGABRIELE li antiċipa lid-difensur tal-Greens Oualid El Hasni li naqas milli jikklerja u mill-viċin tefa’ ġewwa.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Hibernians komplew bl-istess ritmu u fis-56 minuta għamluhom erbgħa meta Ali Diakite kellu xutt erratiku li ntemm għand JAKE GRECH li nżamm f’pożizzjoni regolari minn Christian Rutjens u permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Floriana wieġbu fit-62 minuta meta Kemar Reid xeħet cross-shot li ġie ppanċjat mill-goalkeeper tal-Pawlisti, Ibrahim Kone, biex mir-rebound Andrei Ciolacu minn pożizzjoni ferm ideali tefa’ inkredibbilment barra.
Fil-75 minuta Ryan Camenzuli għadda tajjeb lejn Ciolacu li mill-viċin ra lil Kone jilqa’ parzjalment ix-xutt tiegħu u mir-rebound l-istess player kellu d-daqqa ta’ ras taħbat ma’ sieq il-lasta.
Fil-85 minuta, il-Greens skorjaw il-goal tal-bandiera meta Jose Arias xeħet cross li sab lil CHRISTIAN RUTJENS li antiċipa lil Andrei Agius u mill-viċin tefa’ ġewwa.
Floriana: 33-Georgi Kitanov, 2-Adam Magri Overend, 3-Christian Rutjens, 4-Oualid El Hasni, 5-Zachary Cassar (10-Jose Ulises Arias 55), 6-Rumyan Hovsepyan (9-Kristiajn Keqi 69), 8-Kemar Reid, 11-Andrei Ciolacu, 22-Brandon Paiber, 30-Jan Busuttil (96-Daniel Agius 69) (77-Aleandro Garcia 79), 94-Ryan Cameunzuli – Coach: Gianluca Atzori
HIBERNIANS: 24-Ibrahim Kone, 3-Ferdinando Apap, 4-Leandro Almeida (6-Raphael Dos Anjos 64), 8-Jake Grech (88-Wilfried Domoraud 77), 10-Jurgen Degabriele (17-Erjon Beu 77), 12-Dunstan Vella (7-Ayrton Attard 83), 13-Zachary Grech, 18-Thaylor Aldama (70-Filipe Da Costa 83), 20-Andrei Agius, 22-Gabriel Artiles, 42-Ali Diakite – Coach: Stefano Sanderra
REFEREE: Ishmael Barbara
ASS. REFEREES: Roberto Vella, Luke Portelli
RABA’ UFF: Slobodan Petrovic
SKORERS: J. Degabriele 16, 27, D. Vella 24, J. Grech 56 (H), C. Rutjens 85 (F)
AMMONITI: K. Reid, A. Ciolacu, O. El Hasni, B. Paiber (F), L. Almeida (H)