Sunday, November 3, 2024

Hibernians v Floriana se tiddeċiedi l-Kampjonat Premier?

Aqra wkoll

Meta llum tintlagħab l-24 ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier, l-attenzoni prinċipali tkun mixħuta fuq il-partitissima bejn Hibernians u Floriana li hija waħda kruċjali minħabba l-fatt li tista’ tiddeċiedi fejn sejjer it-titlu. 

Fil-Play-Out round, il- par­tita bejn Valletta u Slie­ma Wanderers tisraq ix-xena fejn teżisti possibbiltá li dawn tal-aħħar jistgħu jitilfu l-istatus tagħhom fl-ogħla diviżjoni. 

Hibernians v Floriana – Bla dubju, din hija l-aqwa partita tal-istaġun jew aħjar il-”finali” fejn tingħata indikazzjoni tad-destinazzjoni tat-trofew tal-Premier League, għalkemm iż-żewġ naħat xorta se jkollhom tliet logħbiet oħra x’jilagħbu.

Kemm Hibernians kif ukoll Floriana sofrew telfa fl-aħħar partita … kontra Hamrun Spartans (2-1) u Gzira United (1-0) rispettivament … u għaldaqstant iridu jirriorganizzaw għal dan il-konfront kruċjali.

Fuq il-karta, il-Pawlisti jibdew favoriti hekk kif jinsabu fil-quċċata b’zewġ punti fuq l-istess Floriana … u għaldaqstant rebħa hija imperattiva għall-Greens biex mhux biss jibqgħu fit-taqtiegħa għar-rebħ tat-titlu iżda jaqbżu lil Hibernians fil-quċċata. 

Filwaqt li huma se jin­żlu bl-aqwa formazzjoni possibbli, Hibernians se jkollhom lil Dunstan Vella nieqes għax sospiż. 

Fiż-żewġ logħbiet preċe­denti ż-żewġ timijiet spiċ­ċaw fi draw ta’ 0-0 filwaqt li fl-oħra Hibernians ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-1.

Gzira U. v Birkirkara – Dan huwa konfront dirett bejn Gzira United u Birkirkara li qed jimmiraw għat-tielet post. 

Il-moral taż-żewġ timijiet huwa wieħed għoli hekk kif il-Maroons għelbu lil Flo­riana 1-0 filwaqt li l-Istripes rebħu lil Gudja United 3-0. 

Ir-rebħa tal-Gżirjani fuq il-Greens kienet “sinifi­kanti” għall-fatt li żammew il-pressjoni fuq Birkirkara u Hamrun Spartans li wkoll kisbu t-tliet punti kontra l-leaders Hibernians. 

Dan ifisser li għadhom fit-tellieqa biex jikkwalifikaw għal kompetizzjoni Ew­ropea. Iżda issa jridu jżommu l-konsistenza u ma hemm l-ebda lok għal xi żelqa jew falliment min­ħabba li jinsabu tliet punti wara Birkirkara. Rebħa żżommhom fit-taqtiegħa iżda ri­żultat ieħor “jeliminahom” mill-isfida.

L-uniku player nieqes huwa dak ta’ Birkirkara, Oscar Carniello, għax sospiż.

Min-naħa l-oħra, Gzira se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’  Zachary Scerri, Clive Gauci u Jefferson De Assis, minn sospensjoni. 

Fiż-żewġ logħbiet ta’ qabel iż-żewġ timijiet spiċċaw fi draw ta’ 1-1 filwaqt li Birkirkara ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0. 

 Gudja U. v Hamrun S. – Fuq il-karta, Hamrun Spartans m’għandhomx ifallu kontra team li laħaq l-objettivi tiegħu biex ikkwalifika mat-Top Six u għaldaqstant huwa f’żona komda u aċċertat mis-salvaz­zjoni bla ebda pressjoni.  

L-Ispartans jimmiraw għar-raba’ rebħa konsekuttiva wara dik impressjonanti ta’ 2-1 kontra l-leaders Hibernians … riżultat li żgur bidel il-burdata tagħhom wara staġun diżappuntanti. 

Huma jridu jkomplu jibnu fuq dawn ir-rebħiet biex finalment itemmu fit-tielet pożizzjoni. 

Jekk juru l-istess prestazzoni li wrew kontra Hibernians, bla dubju, ikunu favoriti biex jilħqu l-għanijiet tagħhom għax wara kollox jippossjiedu l-kwalitá biex jagħmlu dan. 

Iżda huma se jkunu mingħajr is-sospiżi Darko Goj­kovic  u Predrag Djor­devic.

Fiż-żewġ konfronti ta’ qabel kull naħa kisbet rebħa – Hamrun Spartans (3-1) u Gudja United (1-0).

Sta Lucia v Sirens – Din hija partita bejn żewġ timijiet li qed jissieltu għas-salvazzjoni. 

Filwaqt li Sta Lucia ġejjin minn rebħa ta’ 3-0 fuq Balzan, Sirens sfaw megħluba bl-iskor identiku kontra Valletta. 

Rebħa għaż-żewġ timi­jiet ittaffi l-pressjoni taż-żona tar-relegazzjoni u tpoġġihom f’pożizzjoni aktar kom­da. Iżda telfa tpoġġihom fil-periklu minħabba li jkun fadal tliet partiti biss għat-tmiem. 

Din hija logħba miftuħa għal kull riżultat u żball jista’ jkun detrimentali. 

Sirens rebħu ż-żewġ logħbiet preċedenti bl-iskor ta’ 3-1 u 2-1.

Dexter Xuereb huwa sospiż iżda Patrick Silva Mota jirritorna minn sospensjoni għal Sta Lucia. Min-naħa l-oħra Sirens jilqgħu r-ritorn ta’ Adrian Borg minn sospensjoni.

Mosta v Balzan – Dan huwa konfront importanti li jista’ jiddetermina d-destin ta’ Balzan. Il-pressjoni qed tiżdied fuqhom wara li tilfu tmienja mill-aħħar disa’ partiti. 

Huma jinsabu fiż-żona l-ħamra u rebħa għal Mos­ta tiftħilhom vantaġġ ta’ ħames punti. Iżda rebħa għal Balzan tħalli lil Mosta fil-post ta’ qabel l-aħħar. 

Balzan se jkunu min­għajr is-sospiż Neil Frendo filwaqt li Mosta se jinżlu l-aqwa formazzjoni.

Fiż-żewġ logħbiet preċe­denti Mosta ħarġu rebbieħa ta’ 2-1 u 3-2.

Valletta v Sliema W. – Valletta, il-leaders tal-Play-Out round jaffrontaw lil Sliema Wanderers li jinsabu fl-aħħar post … 11-il punt bogħod mis-salvazzjo­ni me­­ta fadal erba’ partiti għat- tmiem. 

Għaldaqstant, jekk Mos­ta u Sta Lucia joħorġu rebbieħa kontra Balzan u Sirens rispettivament, il- Wanderers jiġu relegati awtomatikament. Barra minn hekk huma jitilfu post­hom mill-ogħla diviżjoni jekk jonqsu milli jegħlbu lill-Beltin, irrispettivament mill-eżitu ta’ Mosta u Sta Lucia. 

Fir-realtá jrid ikun “mi­raklu” biex il-Wanderers isalvaw posthom. Min-naħa l-oħra, rebħa għal Valletta tissiġillalhom is-salvazzjoni.

Mark Scerri huwa sospiż għall-Blues filwaqt li Jean Borg jirritorna għall-Beltin.

Fiż-żewġ okkażjonijiet Valletta għelbu lil Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 1-0 u 3-0 (fuq il-mejda) wara li  ntlaqagħlhom protest ibbażat fuq l-ineliġibbiltà ta’ player ta’ Sliema.

Sport