L-influwenza ta’ Malta fit-tfassil tal-aġenda tal-ħiliet dinjija qed toħroġ fid-dieher fi ftehim uniku li l-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet għadu kif iffirma mal-Future Talent Council biex fis-16 u s-17 ta’ Settembru 2026 jorganizzaw f’pajjiżna l-Future Talent Forum.
Dan is-summit ta’ jumejn se jlaqqa’ flimkien lil bosta ministri tal-edukazzjoni, CEOs mill-industrija, imħuħ minn universitajiet differenti, u esperti fl-iżvilupp tas-suq tax-xogħol minn madwar id-dinja biex jindirizzaw waħda mill-isfidi determinanti ta’ żmienna: li nħejju l-forza tax-xogħol għal impjiegi li għadhom ma jeżistux.
“Dan is-summit li se jkunu qed nospitaw f’pajjiżna mhuwiex konferenza bħall-oħrajn,” spjega ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet, Dr Jeffrey Pullicino Orlando. “Se jkollna fostna wħud mill-persuni se jkunu qed ifasslu mill-ġdid il-mod kif jaħsbu l-pajjiżi dwar l-edukazzjoni, il-mod kif il-kumpaniji se jsawru timijiet sħaħ ta’ talent, u l-mod kif il-ħaddiema se jirnexxilhom jimirħu fil-karrieri fi żminijiet iddominati mill-intelliġenza artifiċjali (AI) u mill-awtomatizzazzjoni. U dawn id-diskussjonijiet qed jagħżlu li jagħmluhom Malta.”
X’inhu l-Future Talent Council?
Il-Future Talent Council hu alleanza internazzjonali ta’ mexxejja u ħassieba progressivi li qed jaħdmu flimkien biex ixejnu d-distakk bejn il-perkorsi tat-tagħlim u l-ħtiġijiet tal-ekonomiji. Imnissel mill-għarfien li s-sistemi edukattivi tradizzjonali qed ibatu biex ilaħħqu mal-passi tal-bidliet teknoloġiċi, il-Future Talent Council ilaqqa’ flimkien lil bosta persuni f’karigi li jieħdu d-deċiżjonijiet u li jistgħu jagħmlu xi ħaġa dwar dan fil-prattika – ministri tal-edukazzjoni li jieħdu ħsieb il-kurrikuli nazzjonali, kapijiet tar-riżorsi umani ta’ kumpaniji tal-Fortune 500, mexxejja ta’ universitajiet li jistgħu jfasslu mill-qiegħ il-lawriji li jippreżentaw lill-istudenti, u oħrajn.
Il-laqgħat tagħhom saru art għammiela fejn tissawwar il-politika, fejn jinbnew is-sħubijiet, fejn jitwarrbu l-fondi għal programmi pilota. Bosta summits tal-passat wasslu għal ftehimiet li jirrikonoxxu l-ħiliet bejn il-fruntieri, għal sħubijiet bejn l-industrija u l-edukazzjoni li jinvestu l-miljuni, u għal riformi sħaħ ta’ strateġiji nazzjonali.
L-avveniment lokali SkillScape isib postu fuq il-palk internazzjonali
Din is-sħubija bejn il-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet u l-Future Talent Council turi l-evoluzzjoni ġmielha li rnexxielu jagħmel SkillScape, l-avveniment ewleni Malti tal-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja, minn meta tnieda fl-2023 sal-lum. L-edizzjoni tal-2026 se tkun qed tinvolvi lill-Future Talent Forum biex minn dibattitu nazzjonali, l-avveniment jieħu d-dibattitu fuq pjattaforma internazzjonali.
“Nemmnu li l-akbar sfidi li għandna quddiemna fil-qasam edukattiv u fl-iżvilupp tal-ħaddiema nistgħu negħlbuhom jekk niġbdu ħabel wieħed. Is-sħubija tagħna mal-Kunsill Malti għall-Ħiliet tixhed l-impenn tagħna li nlaqqgħu flimkien lill-edukaturi, lil dawk li jħaddmu, u lil dawk li jfasslu l-politika f’forum fejn tista’ ssir traformazzjoni reali,” stqarr Emir Cetinel, id-Direttur ta’ Strategic Insight Networks.
Għall-forum mistennija jattendu bosta delegati internazzjonali, u fost l-oħrajn id-diskussjoni se tittratta l-impatt tal-AI fuq it-tagħlim, il-ġejjieni tal-edukazzjoni vokazzjonali, il-ħiliet tat-tranżizzjoni ekoloġika, u mudelli ġodda għat-tagħlim tul il-ħajja.
Id-daqs ta’ pajjiżna, il-ħaddiema multilingwi tagħna u l-pożizzjoni ta’ Malta bħala benniena għall-innovazzjoni fl-edukazzjoni jagħmluha post ideali għal djalogu ta’ livell għoli intimu, li postijiet akbar ma jistgħux jipprovdu.
Aktar tagħrif dwar reġistrazzjoni u l-programm sħiħ se jkunu qed jitħabbru fil-bidu tal-2026.

