Tuesday, September 23, 2025

ĦIDMA BIEX IL-BAJJIET IKOMPLU JITGAWDEW

Aqra wkoll

L-istaġun tas-Sajf għadda, għalkemm ix-xemx għadha tiżreġ f’ħinijiet sostanzjali. Minkejja dan l-istat ta’ fatt,  il-Gvern għadu jieħu miżuri biex il-bajjiet tagħna jinżammu nodfa matul il-perjodu tas-sena kollha. 

Miżura minn dawn huwa l-proġett pilota li nistennew li jkun applawdit minn dawk favu l-ambjent. B’dan il-proġett, mill-1 ta’ Jannar li ġej, it-tipjip f’żewġ bajjiet ewlenin f’pajjiżna – waħda f’Malta u l-oħra f’Għawdex se jkun permess biss f’żoni apposta.

Il-loqom tas-sigaretti, il-lighters, u l-iskart tat-tabakk huma fost l-aktar miġbura minn fuq il-bajjiet, li jheddu kemm l-annimali tal-baħar kif ukol lis-sbuħija tal-ambjent naturali ta’ Malta. 

Għalhekk nemmnu li l-introduzzjoni ta’ din il-miżura mistennija li tħalli impatt mill-aktar pożittiv f’dak li jirrigwardja l-indafa fuq dawn il-bajjiet. B’dan il-pass, Malta se tkun qiegħda tingħaqad ukoll ma’ pajjiżi oħra li diġà daħħlu aktar restrizzjonijiet ta’ dan it-tip. 

Aspett ieħor li nemmnu li se jkun qed jiġi milħuq b’dan il-proġett huwa l-ħarsien tas-saħħa tan-nies. Din il-miżura ambjentali se twassal biex tindirizza l-fatt illi l-loqom tas-sigaretti li jispiċċaw fil-baħar u jdumu ħafna biex jiddiżentigraw u allura tista’ twassal għal ambjent kostali iktar b’saħħtu. 

Dan il-proġett pilota huwa l-ewwel pass biex jiġi promoss ambjent mingħajr tipjip f’żoni pubbliċi miftuħa. Dan kollu jorbot ukoll mal-investiment li qed isir biex dawn il-bajjiet jinżammu fi stat tajjeb kemm ambjentali kif ukoll għall-għawm tan-nies. L-awtoritajiet huma konxji ta’ dan tant li t-tindif fuq il-bajjiet isir b’mod regolari u anke f’ħinijiet li ma jiddisturbawx is-serenità ta’ min ifittixhom.

Fil-fehma tagħna iżda r-responsabbiltà għaż-żamma tajba tal-bajjiet ma taqax biss fuq l-awtoritajiet imma anke taqa’ fuq in-nies li jkunu f’dawn l-istess bajjiet. Għalhekk nemmnu li kulħadd għandu jagħmel il-parti tiegħu għaliex fl-aħħar mill-aħħar il-bajjiet huma ta’ kulħadd u kulħadd għandu dritt li jgawdihom filwaqt li jkollu aċċess ħieles għalihom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport