Friday, December 13, 2024

Ħidma biex il-proġett tal-Underpass tal-Imrieħel jitlesta sal-aħħar tas-sena

Jittellgħu l-ewwel travi tas-saqaf tal-mina tal-Imrieħel

Aqra wkoll

Infrastructure Malta qed terfa’ f’posthom it-travi tal-konkos li fuqhom se jserraħ is-saqaf tal-mina ġdida tal-Imrieħel.

Infrastructure Malta varat Mriehel Underpass Project fl-2021, biex tibni mina twila 60 metru li se tgħaqqad Triq l-Imdina mal-Bypass tal-Imrieħel, fil-junction ħdejn l-uffiċini tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA). L-aġenzija qed taħdem biex tiftaħ din il-mina fl-aħħar ta’ Settembru, u biex tlesti l-bini tar-roundabout ġdida fuqha sa tmiem is-sena. 

Fi Frar, Infrastructure Malta lestiet it-tħaffir tal-mina u bdiet tpoġġi f’posthom 290 panewwa tal-konkos biex tifforma l-ħitan tagħha. It-Tlieta, l-ħaddiema għollew f’posthom l-ewwel minn 16-il travu tal-konkos, kull wieħed jiżen sitt tunnellati, li se jwieżnu s-saqaf tal-mina.

Meta l-mina tkun lesta, Infrastructure Malta ser tkompli l-proġett bil-bini tar-roundabout il-ġdida fuqha, kif ukoll punti ta’ qsim aktar siguri għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota u żoni ġodda msebbħin bis-siġar.

Bħalma għamlet il-Mini ta’ Santa Luċija biex iżżid il-benefiċċji ta’ Marsa Junction Project tul ir-rotta prinċipali lejn in-nofsinhar ta’ Malta, Infrastructure Malta ppjanat Mriehel Underpass Project biex ittejjeb l-impatti pożittivi ta’ Central Link Project f’Ħ’Attard, Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel. 

Il-mina b’żewġ korsiji se tifforma parti mill-junction tar-roundabout ġdida flok is-sistema tat-traffic lights li kien hemm qabel f’salib it-toroq bejn Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel. Permezz tal-mina, l-fluss prinċipali tat-traffiku li minn Triq l-Imdina, f’Ħal Balzan ikun sejjer lejn il-Bypass tal-Imrieħel (Vjal ir-Royal Malta Artillery), ser jinfired mill-bqija tal-traffiku li jaqsam kontra xulxin f’din il-junction.  

Bħala parti minn Central Link Project, fl-2020 Infrastructure Malta bniet żewġ korsiji ġodda fid-direzzjoni opposta, lejn il-punent, mill-Bypass lejn Ħal Balzan u Ħ’Attard. Bl-eliminazzjoni tal-fluss prinċipali tat-traffiku li jkun sejjer lejn il-lvant (permezz tal-mina) u lejn il-punent (permezz tal-korsiji li nfetħu fl-2020) mir-roundabout ġdida, din il-junction qed issir aktar sigura għal dawk li jivvjaġġaw lejn destinazzjonijiet oħrajn fil-viċin, inkluż l-Imrieħel, Birkirkara u Ħaż-Żebbuġ (minn Ħ’Attard, Ħal Balzan u Ħal Lija).

Hekk kif se jnaqqas l-ammont ta’ vetturi u l-veloċità tas-sewqan madwar ir-roundabout ġdida, Mriehel Underpass Project se jippermetti l-introduzzjoni ta’ punti ta’ qsim aktar siguri għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota bejn Birkirkara, l-Imrieħel u Ħal Balzan u Triq il-Ħofor, triq rurali li twassal għal Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi. B’hekk, dawn il-punti ta’ qsim ħdejn ir-roundabout se jkomplu jtejbu l-konnessjonijiet tar-rotta twila erba’ kilometri għall-mixi u r-roti li l-aġenzija bniet diġa permezz ta’ Central Link Project, bejn Ta’ Qali, Ħ’Attard u Ħal Balzan.

Għal aktar tagħrif u għajnuna, żur www.infrastructuremalta.com, jew ikkuntattja lil Infrastructure Malta fuq 2334 1000, [email protected] jew fuq Facebook, Twitter u Instagram.

Ekonomija

Sport