Fl-aħħar jiem, il-pubbliku ġie infurmat li ż-żona tat-Torri ta’ Għajn Tuffieħa ġiet magħluqa għall-pubbliku mill-Pulizija wara rapporti li saru dwar il-blat li hemm f’dak l-irdum. Ġie magħruf li din l-azzjoni ttieħdet wara rapporti li ħolqu dubju dwar l-istabbiltà tal-blat tal-irdum.
Sorsi uffiċjali stqarru magħna li dan is-sit ilu jiġi mmonitorjat mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Dan id-Dipartiment regolarment jagħmel spezzjonijiet f’siti kostali fejn ikun hemm kwistjonijiet marbuta mal-istabbiltà tal-blat.
Fl-aħħar sentejn, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq studji fuq bażi regolari biex jara jekk hemmx periklu mal-istabbiltà tal-blat li jagħti għal fuq dan l-irdum u fejn hemm it-Torri ta’ Għajn Tuffieħa.
Mil-banda l-oħra, l-Awtorità tal-Artijiet bi qbil mad-Direttorat tar-Restawr, se twettaq xogħlijiet ta’ restawr fuq dan it-Torri. Il-ħsarat li għandu t-torri fil-preżent ġew kawżati mil-maltemp xi numru ta’ xhur ilu. Wara dan l-inċident, l-Awtorità tal-Artijiet kienet qabbdet kuntrattur biex idawwar dan it-torri bi scaffolding.
F’Diċembru 2024, perit mid-Direttorat tar-Restawr ippreżenta applikazzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar biex ix-xogħlijiet ta’ restawr ikunu jistgħu isiru. Huwa mistenni li kif jinħareġ dan il-permess, dawn ix-xogħlijiet jibdew minnufih.
Ix-xogħlijiet ta’ restawr se jkunu qed isiru mill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tal-Artijiet.