Tuesday, September 24, 2024

Ħidma biex jiżdied l-għarfien fost l-istudenti dwar l-importanza tal-ħarsien tal-oċeani

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Dr Owen Bonnici, flimkien mal-Prof. Alan Deidun għan-nom tal-Università ta’ Malta presedew ċerimonja ta’ għoti ta’ premjijiet lil studenti li ħadu sehem f’attivitajiet edukattivi ambjentali favur il-ħarsien tal-oċeani.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li, “Aħna bħala Gvern ninsabu kommessi biex inżidu l-għarfien tal-istudenti tagħna permezz tal-edukazzjoni rigward il-pjaneta tagħna u kif l-azzjonijiet ta’ kuljum tagħna jħallu impatt fuqha. L-għan ewlieni tal-avveniment huwa li jispira lill-istudenti dwar l-oċeani u li tnissel kuxjenza fi ħdanhom dwar l-importanza għall-bnedmin li nibzghu ghall-oċeani. Dan sar billi jimpenjahom fi proġetti hands-on, inkluż l-użu mill-ġdid ta’ materjal mormi biex jipproduċu xogħlijiet ta’ arti jew artifatti utli, kif kien il-każ fl-edizzjonijiet preċedenti ta’ l-istess avveniment.”

“Ir-restrizzjonijiet tal-pandemija COVID-19 ta’ din is-sena rriżultaw fl-għeluq tal-iskejjel u għalhekk il-Konsorzju nazzjonali tal-litteriżmu fuq l-oċejani organizza avveniment simili permezz ta ‘mezzi teknoloġiċi/rimoti, billi nediet kwizz għall-istudenti lokali kollha tal-Iskola Primarja u Sekondarja. Jiena nirringrazzja lill-iskejjel kollha li ħadu sehem billi taw din l-opportunità lill-istudenti tagħhom u għenu jqajmu iżjed għarfien fuq dan is-suġġett bejniethom,” kompli l-Ministru Bonnici.

Prof. Alan Deidun qal li, “ilna nissieħbu ma’ diversi stakeholders  għal dawn l-aħħar ħames snin biex norganizzaw avvenimenti nazzjonali ta’ litteriżmu dwar l-oċejani. Ir-rata ta’ parteċipazzjoni kienet sorprendenti, minħabba li ġew irċevuti kważi 500 sottomissjoni mill-istudenti kollha għaż-żewġ kategoriji ta’ kwiżż. L-avveniment tal-lum jirrikonoxxi s-sottomissjonijiet rebbieħa mill-istudenti kif ukoll l-iskejjel li minnhom irċivew l-akbar numru ta’ sottomissjonijiet, permezz ta’ premjijiet ta’ kotba.”

L-avveniment huwa wieħed mill-għanijiet tad-Deċennju tal-Ġnus Magħquda ddedikat lix-Xjenzi tal-Oċejani (2021-2030).

Sport