L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) bil-kollaborazzjoni tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili mexxew operazzjoni li fiha ġiet żarmata struttura ta’ towercrane li setgħet toħloq periklu għat-terzi u l-pubbliku.
Din l-istruttura kienet tinsab f’sit ta’ kostruzzjoni li ma kienx attiv u li tħalla abbandunat fi Triq Jean de La Cassier, f’San Pawl il-Baħar. L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u dik għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol rċevew ilmenti mingħand residenti tal-madwar rigward dan it-towercrane.
Filwaqt li ż-żewġ awtoritajiet eżegwew l-azzjonijiet investigattivi li kien hemm bżonn, waslu għall-konklużjoni li t-towercrane kien abbandunat u biex jiġi evitat il-periklu li kien qed joħloq għar-residenti u partijiet terzi, taw id-direzzjoni lill-awtoritajiet ikkonċernati sabiex jitneħħa.
Min-naħa tagħha l-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Dr Josianne Cutajar qalet li “L-Awtorità ser tibqa’ proattiva u fejn tara li kwalunkwe makkinarju jew sit li b’xi mod qed ipoġġi s-saħħa mhux biss ta’ ħaddiema, iżda anka ta’ terzi f’periklu, wara li tkun eżawriet l-obbligi legali tagħha, tagħti direzzjoni lill-awtoritajiet kkonċernati sabiex jitneħħa l-periklu. B’sodisfazzjoni tara li din il-ħidma b’kollaborazzjoni mal-BCA u CPD twettqet b’suċċess.”
Preżenti għal din l-operazzjoni kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-Perit Roderick Bonnici li qal li dan huwa każ ċar ta’ kemm l-Awtorità, illum il-ġurnata, ħadet irwol aktar proattiv sabiex jiġu evitati ċertu inċidenti.
“Id-deċiżjoni li jiżżarma t-towercrane kellha tittieħed wara li għal dawn l-aħħar jiem, il-BCA flimkien mal-OHSA, kienu qed jagħmlu diversi tentattivi biex jagħmlu kuntatt mas-sidien tas-sit u tat-towercrane, liema tentattivi rriżultaw fin-negattiv. Għalhekk fl-aħħar sigħat, tlabna l-għajnuna tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jiżżarma dan it-towercrane taħt is-superviżjoni tal-BCA, li hi l-awtorità kompetenti fuq il-kostruzzjoni u s-sigurtà tat-terzi, u l-OHSA li hi responsabbli mis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fl-istess operazzjoni,” temm jgħid il-Perit Bonnici.



