Saturday, December 14, 2024

Ħidma biex tiżdied it-trasparenza b’aktar parteċipazzjoni mill-pubbliku

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Dawn l-emendi jkomplu jagħmluha ċara kif ir-responsabilita ambjentali hija d-dmir ta’ kull wieħed u waħda minna. Bl-istess mod juru wkoll kif nemmnu bis-sħiħ li huwa id-dmir tal-gvern kollu li jassigura il-protezzjoni xierqa u sostenibbli tal-ambjent tagħna, b’mod li jkun jista’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet tal-futur. Il-ħsieb warajhom huwa li jkomplu jsaħħu dak li għandna bħalissa biex tiżdied it-trasparenza u l-governanza tajba, biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-pubbliku u jkun hemm aċċess akbar għall-ġustizzja.”

Iddikjarat dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli waqt id-diskussjoni dwar l-emendi maħsuba biex isaħħu l-protezzjoni ambjentali ta’ pajjiżna.

Min-naħa tagħha l-Ministru Dalli saħqet li preżentement, il-laqgħat tal-Bord tal-ERA huma miftuħa għall-pubbliku meta tittieħed pożizzjoni fuq Environmental Impact Assessment u meta tittieħed deċiżjoni ta’ permess li jinkwadra taħt l-Industrial Emissions Directive. Permezz ta’ dan l-abbozz, irridu li l-laqgħat tal-Bord tal-ERA ikunu miftuħa għall-pubbliku anke f’każijiet oħra.

Aspetti oħra jittrattaw kunsiderazzjonijiet mill-ġdid ta’ permessi ambjentali, f’każijiet fejn tintalab modifika ta’ awtorizzazzjoni li tkun ingħatat, jew f’każijiet fejn sid l-art jitlob li tiġi ikkunsidrata mill-ġdid il-protezzjoni tal-art tiegħu jew tagħha, jew f’każijiet fejn tintalab revoka jew tibdil ta’ permess.

Il-Ministru żiedet tispjega li permezz tal-emendi mressqa il-gvern qed jipproponi t-twaqqif ta’ Kummissjoni Ambjentali li tkun magħmulha minn tliet membri, immexxija minn membru tal-Bord kurrenti.

Filwaqt li tkellmet dwar il-bżonn ta’ żieda fl-infurzar il-Ministru tkellmet ukoll dwar il-possibilità li jinħargu Ordnijiet ta’ Emerġenza f’każ ta’ periklu imminenti għall-ambjent u li f’dawn il-każijiet l-Awtorità tkun tista’ taġixxi mill-ewwel, mingħajr it-trapass ta’ 15-il ġurnata sabiex Ordni tiġi effettiva (kif qed titlob il-liġi llum).

Hawnhekk hija ċċarat li fl-aħħar snin sar investiment fis-sistema ta’ moniteraġġ u li bdew spezzjonijiet permezz ta’ apparat bħalma huma tablets li jkunu mqabbdin dirett mas-sistema. B’aktar preżenza fil-baħar, l-ERA setgħet ukoll tinforza sistema ġdida fejn l-għalf ta’ ħut fl-akwakultura jitwaqqaf f’każijiet ta’ rjiħat qawwija.

Kienu installati wkoll numru ta’ cameras tas-sigurtà f’postijiet strateġiċi li huma meqjusa high risk li llum huma mħarsa minn control room ġdida installata fl-uffiċċji tal-ERA.

Imma x’sar s’issa din is-sena?

Fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena, l-ERA diġà investigat numru ta’ każijiet t’irregolaritajiet ambjentali u s’issa ingħataw aktar minn €99,000 f’multi b’rabta man-natura, faċilitajiet industrjali, interventi fuq siġar protetti, fish farms u xogħlijiet li jmissu mal-kosta.

B’kollox diġà nħarġu madwar 99 multa amministrattiva fosthom dwar littering, ksur tar-regolamenti tas-siġar, interventi f’siti protetti bla permess, u ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ permessi jew regolamenti ambjentali oħra.

Inħarġu wkoll diversi twissijiet li l-iskop tagħhom huwa li jedukaw lin-nies u jagħtuhom ċ-ċans li jirregolaw ruħhom qabel jirrikorru għal miżuri oħrajn.
L-ERA bdiet anke’ tinvolvi lit-tfal f’konsultazzjonijiet nazzjonali bħalma sar fl-Istrategija Nazzjonali tal-Ambjent bl-għajnuna ta’ Eko Skola. Madwar 1,860 student minn 348 skola differenti għaddew ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom li jiġbru flimkien diversi proposti varji. Il-leħen tagħhom ma waqax f’widnejn torox u dawn il-proposti se jkunu qed jiġu diskussi biex jiġu implimentati bl-aħjar mod possibbli.

Is-separazzjoni mandatorja tal-iskart…

Il-Ministru saħqet dwar l-importanza tal-konsultazzjoni pubblika dwar is-suġġett li wasslet biex ittieħdet din id-deċijoni importanti u li l-miri tagħha huma ambizzjużi ferm.

“L-aħħar li tkellimna hawnhekk f’din il-kamra kont semmejt li ghandna 90% tal-iskart muniċipali f’Malta li qed jispiċċa fil-miżbliet. Nieħu gost nara li l-aħħar statistika wriet li din ir-rata niżlet għal 82.5%. Xorta fadlilna hafna x’naqdfu għax sas-sena 2035, l-iskart muniċipali li jispiċċa fil-miżbliet irid bilfors jonqos għal 10%”, tenniet Dalli.

Hija kompliet biex telenka lista twila ta’ xogħlijiet fosthom il-preżervazzjoni ta’ siti ambjentali u l-mod ta’ kif qed jiġi restawrat l-ambjent, tindif fl-istess siti u xogħol ieħor li qed jattira ħafna speċi ta’ flora u fawna.

Il-Ministru saħqet dwar l-importanza tat-tranżizzjoni lejn vetturi elettriċi u ddikjarat li nħarġet sejħa biex fiż-żmien li ġej 40% tal-flotta tal-Gvern tkun tikkonsisti f’vetturi elettriċi. “Din id-deċiżjoni se tkompli tgħin biex nersqu lejn id-dikarbonizzazzjoni fis-settur tat-trasport fuq l-art li huwa wieħed mill-kontributuri ewlenin tat-tniġġis tal-arja”, spjegat il-Ministru Dalli.

Ekonomija

Sport