Tuesday, December 24, 2024

Ħidma fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni biex tiżdied is-sigurtà fis-servizzi finanzjarji

Il-kisbiet u l-isfidi tal-MEPs Maltin f’din is-sena

Aqra wkoll

Waqt żjara fil-Parlament fi Strasburgu, fl-aħħar jiem dan is-sit kellu l-opportunità li jitkellem mal-Membri Parlamentari Ewropej Maltin dwar diversi suġġetti. Wara li fil-ħarġa tal-bieraħ qsamna magħkom ir-reazzjonijiet tagħhom b’rabta mal-aħħar żviluppi fil-każ tal-Viċi President tal-Parlament Ewropew Eva Kaili u l-vot ta’ sfiduċja fil-konfront tagħha, illum qegħdin inwasslulkom summarju ta’ dawk li skonthom huma l-akbar kisbiet għal din is-sena fil-ħidma tagħhom u sfidi li jistennew li se jkun qed jaffaċċja l-Parlament Ewropew fis-sena li ġejja.

“Il-programmi intiżi biex jindirizzaw il-problemi fl-Ukrajna jistgħu jitqiesu bħala rebħa kbira għall-PE”

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew qalilna li l-ikbar sfida li bla dubju tista’ titqies ukoll bħala rebħa kbira għall-Parlament Ewropew kienu l-programmi li tressqu ’l quddiem ma’ dak li kellhom x’jaqsmu l-problemi fl-Ukrajna, b’mod speċjali fejn għandha x’taqsam l-enerġija. Tkellem ukoll dwar dak li għandu x’jaqsam mas-sostenn ta’ ċertu proġetti li kienu għaddejjin u li minkejja dawn l-isfidi kompliet il-ħidma dwarhom. Iżda fuq kollox huwa rrikonoxxa l-fatt li nżammu għaddejjin proġetti li kienu nbdew biex jilqgħu għall-impatti tal-Covid flimkien ma’ proġetti oħra oriġinali bħalma huwa l-Green Deal u dawk relatati mad-diġitalizzazzjoni fejn l-Parlament ta’ l-kontribut tiegħu skont kif kien programmat. Sant qal li huwa jemmen li fl-urġenza ta’ dak li għandu x’jaqsam mal-Ukrajna, il-Parlament irrisponda malajr ħafna minkejja li seta’ kien hemm problemi li ma rriżultawx. Spjega dwar xi affarijiet li għadhom imdendlin bħalma huma fil-Green Deal fejn għandhom x’jaqsmu ċertu aspetti tal-ETS u t-taxxi fuq il-materji li joħolqu karbonizzazzjoni.

Rigward id-diġitalizzazzjoni, Sant qal li matul l-aħħar sentejn kien għaddej b’ħidma importanti fuq proġett dwar il-mod kif s-sigurtà tas-sistema finanzjarji tiġi ssalvagwardjata fuq livell Ewropew. Huwa qal li qed jirriżulta li jekk tinżamm fuq livell Ewropew, id-diġitalizzazzjoni tkun iktar effettiva milli fuq livell nazzjonali. Barra minn hekk huwa kompla biex jgħid li jekk dan iseħħ se jkollok l-istess lingwa jew teknika li tinżamm u l-attakki ma jsirux biss fuq sistema waħda iżda b’mod differenti. Dan il-programm kien telaq fost l-oħrajn wara l-attakk fuq il-BOV u s-serq tal-flus li baqa’ jinżamm bħala waħda mir-raġunijiet għaliex hemm bżonn din ir-reżiljenza Ewropea u għalhekk għaddejja ħidma biex il-banek kollha, inklużi dawk ta’ Malta, u s-sistemi finanzjarji, ikunu kollha mqabbdin mal-istess sinjali diġitali. 

Rigward l-isfidi, Sant qal li dawn jiddependu mill-gwerra tal-Ukrajna, b’tali mod li jekk din tiżviluppa b’modi li mhumiex prevedibbli jew li tibqa’ ttul, jista’ jkun hemm skatti politiċi li jkunu ta’ diverġenza bejn il-gruppi li jkunu jirrikjedu aktar diskussjoni. 

Kompla biex iżid li l-elezzjonijiet nazzjonali resqin f’ċertu pajjiżi u dak ukoll se jirrifletti fil-pożizzjoni li tieħu kemm il-Kummissjoni, kemm il-Kunsill tal-Ministri, kif ukoll il-Parlament Ewropew. Imdendla fuq dan kollu hemm il-problema tal-inflazzjoni u l-għoli tal-prezzijiet fejn teżisti l-problema ta’ kif il-prezzijiet se jitrażżnu anke jekk hemm diversi ideat dwar it-triq ’il quddiem. 

Rigward jekk il-PE jħossx li qed jilqa’ biżżejjed għall-problema tal-gwerra, Sant qal li ġejja riċessjoni li għad hemm nuqqas ta’ qbil dwar kemm se tkun qawwija. Parti oħra hija l-kesħa li se jkollha impatt akbar fuq diversi pajjiżi fix-xhur li ġejjin. 

Sant qal li jidher li s’issa n-nies jidher li se jkollhom jissaportu quddiem ekonomija riesqa lejn riċessjoni, inflazzjoni li se tibqa’ tiela’ u ovjament ilmenti relatati ma’ nuqqas fil-provvista tal-enerġija fost sfidi oħra. Huwa saħaq li fix-xahrejn jew tlieta li ġejjin se tiżdied sostanzjalment il-pressjoni fejn l-impenni militari li qegħdin hemm iridu jibqgħu hemm, imma li jekk n-nies ikunu qed ibatu se jwassal għal tnaqqis politiku elettorali qawwi. Dawk l-aktar milquta minn dan mistennija jkunu dawk li għandhom elezzjonijiet nazzjonali resqin fix-xhur li ġejjin.

Ekonomija

Sport