Sunday, November 24, 2024

Ħidma għal tisħiħ fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku

... Għada se ssir il-laqgħa tal-MCESD dwar l-isfidi tal-klima u l-enerġija

Aqra wkoll

Konxju tal-problemi li t-temperaturi estremi ħolqu f’pajjiżna, il-Gvern talab li jitlaqqa’ l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) sabiex l-imsieħba soċjali jingħataw tagħrif dwar is-sitwazzjoni attwali, x’sar diġà u x’se jkun qed isir fil-ġimgħat li ġejjin biex is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tkompli tissaħħaħ.

Kien il-Prim Ministru Robert Abela li talab għal din il-laqgħa li se tkun qiegħda ssir għada l-Ġimgħa. F’intervista fuq ONE Radio, il-Prim Ministru qal li l-iskop ta’ din il-laqgħa se jkun mifrux fuq tliet għanijiet.

“L-ewwel.  Biex jingħata rendikont dettaljat ta’ x’kien qed isir u x’qed isir biex fl-immedjat nindirizzaw l-isfida. It-tieni. Biex nispjegaw il-pjan b’saħħtu li għandna għat-tisħiħ tad-distribuzzjoni f’pajjiżna. It-tielet. Biex nitkellmu flimkien mal-imsieħba soċjali dwar l-impatt tal-isfida tat-tibdil fil-klima. Sfida li d-dinja kollha konxja tagħha imma li qed naraw li l-effetti tagħha qed jinħassu ferm qabel mistenni. Irridu naħdmu flimkien. Kull sfida li kellna hekk għelibniha,” qal il-Prim Ministru.

Dr Abela enfasizza kif hu dejjem qies l-MCESD bħala l-forum importanti biex il-Gvern jispjega l-ħidma li qed jagħmel u l-pjanijiet tiegħu. “Il-Gvern sensittiv għal dak li hu għaddej. U jrid jiddjaloga daqskemm jaħdem biex jagħti s-soluzzjonijiet.
“Mhux biss kellna l-ħaddiema tal-Enemalta jaħdmu lejl u nhar, iżda ttieħdu anke inizjattivi oħra bħal servizz ta’ respite għall-anzjani mill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva. Għaliex nifhmu fejn hemm id-diffikultajiet u rridu nindirizzawhom.”

Il-Prim Ministru spjega wkoll kif pajjiżna din is-sena laħaq domanda rekord ta’ 663MW. “Kieku ma sarx l-investiment, il-pajjiż ma kienx ikollu biex ilaħħaq ma’ din id-domanda, li ma tiġix minn fattur wieħed imma minn ħafna flimkien, fosthom l-elettrifikazzjoni ta’ ħafna faċilitajiet f’ħajjitna.

Kif qed naraw anke f’pajjiżi oħra. Tant għandna pjan, li l-manifest elettorali li morna bih għall-elezzjoni kellna ħames proposti ċari li jitkellmu fuq id-distribuzzjoni. Min jiftaħ il-manifest elettorali u l-parti tal-enerġija jara pjan sħiħ. Tkellimna dwar 200 substation ġdida, ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda fin-Naxxar, il-Mosta, il-Għargħur fost oħrajn – il-pjan kien li dawn isiru fuq leġiżlatura sħiħa. Fl-aħħar sena u nofs saru 66 substation ġdida.”

Dr Abela qal ukoll kif l-isfida mhux biss li jiżdiedu l-fondi u l-investiment imma li jkun aċċellerat ukoll ix-xogħol. “U se nagħmlu dak kollu meħtieġ biex naċċelleraw ix-xogħol. Iktar ma jaċċelleraw il-bidliet, iktar rridu naċċelleraw aħna biex nlaħqu magħhom.”

Il-Prim Ministru kompla jgħid li fl-aktar mument ta’ sfida għall-pajjiż l-Oppożizzjoni dejjem tkun partiġġjana. Qal li dan rajnieh ukoll waqt il-pandemija fejn riedu lill-pajjiż fi stat ta’ emerġenza permanenti.

“Aħna xogħolna hu li naħdmu. Il-logħob politiku partiġjan mhux se jagħti lura d-dawl lin-nies.  Hija l-ħidma tal-ħaddiema tal-Enemalta u l-Gvern li se jwasslu biex jittaffew id-diffikultajiet li qed jinqalgħu,” sostna l-Prim Ministru.

Ir-riforma dwar il-liċenzjar tal-bennejja se tgħolli l-livell fis-settur tal-kostruzzjoni
Huwa tkellem ukoll dwar ir-riforma fuq il-liċenzjar tal-bennejja li qal li se tgħolli l-livell fis-settur tal-kostruzzjoni. Innota li dan huwa l-ewwel Gvern li daħħal għall-ewwel darba l-liċenzja tal-kuntratturi li tpoġġi numru ta’ obbligi li ma kinux jeżistu qabel.

“Dan settur fejn il-livelli jridu jitilgħu u min ma jridx jilħaq dawn il-livelli postu mhux fis-settur… Ir-regoli proposti qed jiddefinixxu x’ħiliet irid ikollha persuna biex taħdem bħala bennej f’Malta. Irridu t-taħriġ biex nassiguraw li kemm dawk li se japplikaw għal-liċenzja l-ewwel darba kif ukoll dawk li diġa’ kisbu l-liċenzja jkomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom u jkunu aktar konxji tal-aqwa prattiċi fis-settur tal-bini.”

“B’dawn ir-riformi, li qed isir hu li f’kull livell ta’ proġett irridu naraw li hemm responsabbiltajiet ċari u stabbiliti. Fejn ħadd ma jaħrab mir-responsabbiltajiet tiegħu. Għax irridu nipproteġu l-ħaddiema, irridu nieħdu ħsieb il-ġirien, irridu l-kwalità iktar milli l-kwantità,” tenna l-Prim Ministru.

Sport