Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali flimkien mad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni qegħdin iwettqu ħidma konġunta, b’kordinament mal-Pulizija Eżekuttiva, sabiex jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa wara vandaliżmu kundannabbli għall-aħħar li sar minn xi ħadd jew xi wħud fuq Bieb il-Bombi fil-Furjana.
Il-Ministeru jikkundanna bil-qawwa kollha dan l-att vandalu. Bieb il-Bombi jirrappreżenta patrimonju kulturali u storiku. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, tħejja pjan biex titneħħa l-ħsara li setgħet ġiet ikkawżata minn dan l-att ta’ vandaliżmu.
Fil-fatt, restawraturi mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni se jibdew bit-tindif b’mod immedjat bil-għan li jitneħħa kompletament dan l-isfreġju. Il-patrimonju kulturali ta’ pajjiżna jagħtina identità u huwa proprju għalhekk li dan il-Gvern jibqa’ kommess li jissalvagwardja u jipproteġi l-patrimonju kulturali ta’ pajjiżna sabiex b’hekk jippreserva dak li jagħmilna Maltin u Għawdxin.
10:30 a.m- Il-Pulizija tinvestiga graffiti li saru ma’ Bieb il-Bombi fil-Furjana
Il-Pulizija qed tinvestiga graffitti li saru ma’ Bieb il-Bombi fil-Furjana. Kelliem għall-Pulizija ikkonferma ma’ dan is-sit, li għall-ħabta tas-7:00 a.m il-Pulizija irċeviet informazzjoni li kien hemm att vandalu ma’ Bieb il-Bombi.
L-att vandalu ma’ Bieb il-Bombi kienu jinkludu l-kliem “ I love you Dali” flimkien ma’ żewġt iqlub. Ġie ikkonfermat ukoll li fuq il-post marru l-pulizija tal-forensika, kif ukoll uffiċjali is-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali.