Infrastructure Malta kkonfermat li bħalissa fi Triq Tas-Sejba fl-Imqabba, numru ta’ ħaddiema għaddejjin b’ħidma biex jinġabru kampjuni tal-pedamenti tal-istess triq.
Dan qed isir biex issir rikostruzzjoni mill-aktar fis possibbli wara li madwar ġimgħa ilu, Infrustructure Malta kienet ħabbret li se tkun qegħda twettaq intervent urġenti f’din it-Triq.
![](https://talk.mt/wp-content/uploads/2023/01/322708185_1298246064289413_7048161030155035775_n-1024x575.jpg)
Minħabba f’hekk b’mod immedjat, minn kantuniera ma’ Triq il-Parroċċa sa kantuniera ma’ Triq il-Madonna tal-Ġilju, qiegħda tinżamm magħluqa sakemm isiru t-tiswijiet neċessarji.
F’kummenti lill-midja l-Perit Raphael Abdilla kkonferma li partijiet minn din it-triq kienu qegħdin iċedu u partijiet li saħansitra ggravaw riċentament. Parti mill-konsegwenza ta’ fejn ċediet it-triq hemm il-fatt li meta din twessgħet għal żewġ karreggjati, parti mill-estenzjoni saret fuq barriera mimlija.
![](https://talk.mt/wp-content/uploads/2023/01/322182388_5321763147929360_1224393527289336791_n-1024x575.jpg)
Il-perit qal li ddeċidew li ma kinitx għadha sigura li tibqa’ miftuħa u għaldaqstant se tiġi dissinjata struttura ġdida li żżomm it-triq. Qal ukoll li se tkun qiegħda ssir analiżi tas-servizzi tad-dranaġġ eżistenti biex jistabbilixxu jekk sarux xi ħsarat jew jekk saħansitra għandux jinbidel.