Ċifri li nħarġu għall-pubbliku f’dawn l-aħħar jiem ikkonfermaw kemm il-ħidma tal-awtoritajiet tal-pajjiż għas-sigurta tan-nies qiegħda tkun effikaċi u effiċjenti tant li r-reati kriminali naqsu u kulma jmur qegħdin ikomplu jonqsu. Dan l-aspett pożittiv ma ġiex waħdu jew seħħ b’kumbinazzjoni.
Wara dan il-progress kollu hemm l-investiment qawwi fil-ħtiġijiet tal-Korp tal-Pulizija, żieda ta’ pulizija fit-toroq li bla dubju huwa wieħed mill-elementi importanti li wasslu biex ikun hemm dan id-deterrent. Barra minn hekk hemm ukoll id-dedikazzjoni u l-ħeġġa ta’ dawk kollha li huma afdati bis-sigurtà tan-nies f’pajjiżna.
Ir-rapport annwali magħruf bħala Crimemalta Observatory magħmul mill-Professur Saviour Formosa, f’ħarsa li ta lejn is-sena 2025, ikkonferma li Malta baqgħet pajjiż sigur u stabbli, bl-inqas rata ta’ kriminalità li qatt ġiet irreġistrata meta wieħed jeskludi s-sena tal-pandemija tal-COVID.
Ir-rati ta’ reati kriminali llum hija ta’ 27 reat għal kull elf persuna li tgħix fil-pajjiż. Dan jirrifletti tnaqqis sinfikanti meta mqabbel mas-sena 2024, u wkoll tnaqqis sostanzjali meta mqabbel mas-46 każ li kienu rrapportat għal kull elf persuna li kienu jgħixu f’Malta fl-2004.
Dan it-tnaqqis fir-rata tal-kriminalità qed ikun esperjenzat fl-isfond ta’ popolazzjoni akbar u f’pajjiż li huwa ekonomikament b’saħħtu. Ir-rata ta’ kriminalità hija wkoll inqas mill-medja Ewropea.
Is-sena li għaddiet immarkat ukoll l-inqas rata ta’ serq li qatt kellha Malta f’dawn l-aħħar 25 sena. Dan fejn jirrigwardja biss reat ta’ serq. Għaliex minbarra dawn, il-każi ta’ qtil kollha li seħħew f’dawn l-aħħar tmien snin, bejn l-2018 u l-2025, mhux biss kienu solvuti kollha imma wkoll fi żmien relattivament qasir.
Dawn ir-riżultati għandhom għax iqawwu qalb il-Maltin kollha illi s-sigurta tagħhom, fi djarhom u fit-toroq, mhux biss hija mħarsa kontinwament imma wkoll imġedda biex tlaħħaq ma’ kull forma ta’ kriminalità f’kull ħin tal-ġurnata.
Għalhekk ukoll u f’dan il-kuntest il-ħidma ta kulmin huwa involut fil-ħarsien tas-sigurtà domestika għandha tiġi applawdita u mfaħħra għax hija garanzija ta’ serħan il-moħħ taċ-ċittadini kollha li jgħixu fil-gżejjer Maltin.
Bla dubju, il-ħidma ma tiqafx hawn imma nittamaw li tkompli sabiex ir-reati kriminali, għalkemm mhux se jisparixxu, b’danakollu jiġu mrażżna kemm jista jkun.


