Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa, Kendrick Bondin, innota li l-membri fi ħdan it-Taqsima żdiedu b’mod sostanzjali. Dan seta’ jkun possibbli grazzi għall-għajnuna li jsib mingħand il-President tat-Taqsima Mark Mckay, l-Assistenti Segretarji Brian Bonnici u l-Eżekuttiv tat-Taqsima u d-delegati kollha.
Ħidma li sarrfet sabiex din tibqa’ tassew l-ikbar sezzjoni u li qabżet ’il fuq minn 5,000 membri. “Dan huwa sinjal ċar li l-ħidma ta’ din it-taqsima qegħda tagħti il-frott tagħha, fejn kellna ’l fuq minn 50 ftehimi settorjali u kollettivi li ġew negozjanti u magħluqa kemm fis-servizz pubbliku, fis-settur pubbliku anke fis-settur privat,” spjega Bondin.
Huwa enfasizza li: “Għalkemm insibu ħafna sfidi, bħala Taqsima ma bżajniex u dawwarnihom f’opportunitajiet li permezz tagħhom komplejna nsaħħu l-preżenza tagħna fuq il-postijiet tax-xogħol li għandna r-rikonoxximent tagħhom. It-Taqsima dejjem ħadmet għall-ħaddiema membri tagħha u ħarġet diversi tilwimiet industrijali sabiex tipproteġi d-drittijiet tagħhom u niddefendu l-imsieħba tagħna minn kull abbuż.”
Huwa tenna li l-viżjoni u l-ħidma tat-Taqsima tinkludi t-tisħiħ fil-membri, li tippromwovi aktar l-ugwaljanza bejn is-sessi, li ssaħħaħ lil din l-organizzazzjoni billi jiżdied l-għarfien neċessarju għall-isfidi ġodda li ġejjin, li żżomm u tkompli tħaddan il-politiċi t’ugwaljanza tal-GWU, li ttejjeb il-kwalità tal-impjiegi u li ssaħħaħ il-ħiliet u l-kompetenzi tad-delegati u l-membri, permezz tal-edukazzjoni.

