F’intervista li saritlu minn talk.mt, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq Pierre Vella qal li riċentament huwa kellu laqgħa mal-President ta’ Malta George Vella li fiha tkellmu dwar diversi temi fejn anke ssemmew l-inċidenti koroh li seħħew dan l-aħħar fit-toroq tagħna.
Huwa fisser din is-sena bħala tebgħa kerha u qallu li lest li jaħdmu flimkien mal-gvern sabiex ikun hemm miżuri aktar ħorox jekk hemm bżonn sabiex jonqsu l-inċidenti u fuq kollox li ma jkunx hemm imwiet ikkawżati minnhom.
B’hekk f’ħidma konġunta ma’ Mater Dei, il-korp tal-pulizija, id-dipartimenti tal-protezzjoni ċivili u għaqdiet oħra qed jagħmlu minn kollox sabiex verament ikun hemm edukazzjoni fost il-poplu, xi ħaġa ferm kruċjali f’dan il-mument tant delikat.
Is-Sur Vella semma kif il-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq kien ħa l-inizjattiva biex jimbotta ‘l quddiem numru ta’ inizjattivi – fosthom is-sistema tal-punti, iż-żieda fil-multi għal min juża l-mobile waqt li jsuq, u r-regoli ġodda dwar il-limitu ta’ kemm wieħed jista’ jikkonsma alkoħol jekk se jsuq.
F’dan ir-rigward, Vella qal li hemm pulizija li jiċċekkjaw bil-breathalyzer it-Tnejn filgħodu minħabba li wara tmiem il-ġimgħa, jkun hemm mumenti fejn l-alkoħol jibqa’ jimmarka.
“Illum il-ġurnata l-affarijiet evolvew. Bl-introduzzjoni tal-kannabis f’Malta, din jekk titħallat max-xorb taf tkun perikoluża u xi kultant fatali wkoll. Dawk is-sewwieqa li jagħmlu hekk ikunu qed ipoġġu lil min ikun miegħu u min ikun fit-toroq tagħna f’periklu.”
“Nedejna iktar inizjattivi f’dawn l-aħħar xhur fosthom kors b’xejn online tal-ewwel għajnuna għal sewwieqa u passiġġieri li jinzertaw xi emerġenza fit-toroq Maltin u Għawdxin. L-ewwel għajnuna f’dan il-lat hi ferm importanti għax tgħin f’każijiet ta’ emerġenza li jkollhom bżonn intervent immedjat.”
Kif jispjega Pierre Vella, “l-għan tal-Malta Road Safety Council huwa l-edukazzjoni primarjament. Bħala Kunsill għandna entitajiet minn diversi assoċjazzjonijiet u dipartimenti tal-Gvern – dawn kollha niltaqgħu u nitkellmu dwar id-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom biex nipprovaw inkunu ħolistiċi dwar il-proposti li nagħmlu.”
Iżda x’qed jiġri fit-toroq Maltin biex qed ikun hawn daqstant inċidenti? It-toroq tagħna kemm huma siguri?
“L-ewwelnett nibda biex ngħid li f’dawn l-aħħar snin saru numru ta’ toroq u għalhekk il-proġetti ma qatgħu xejn sabiex it-toroq tagħna jsiru dejjem iktar aċċessibbli iżda fuq kollox mingħajr xi forma ta’ periklu.”
“F’kull triq hemm limiti ta’ veloċita’ li sewwieq jista’ jagħmel, Jekk dan tal-aħħar isuq bil-120 kilometru fis-siegħa fi triq li suppost tagħmilha bi 80 kilometru fis-siegħa, bla dubju qed jikkostitwixxi periklu kbir għalih u għall-oħrajn.”
“Fil-korsijiet li nagħmlu online, ngħidu lis-sewwieq ċar u tond sabiex joħorġu mill-famuża comfort zone li m’hu se jiġri xejn jew inkella wieħed ma jagħtix kas u ngħidulhom sabiex iħarsu lejn id-dashboard u jaraw kemm ikunu saqu bħala veloċita’. Hemm każijiet allarmanti li wieħed irid jindirizza speċjalment għax ngħidulhom li t-toroq tagħna mhumiex trakka tat-tiġrijiet.”
Vella jitkellem dwar ċerti inċidenti li jinqalgħu fit-toroq Maltin bħal xi karozza li tkun inqalbet. Hu jgħidilna li ħafna drabi jkun hemm każijiet ġenwini bħal meta forsi xi ħadd itih ħass ħażin jew tinqala’ xi ħaġa ħabta u sabta. Minkejja kollox, ikun hemm drabi oħra fejn dan kollu jseħħ riżultat tan-negliġenza tas-sewwieq bħal meta jkun qed jilgħab bil-mobile jew inkella ma jkunx daqshekk attent fuq l-istering.
“Aħna nisħqu ma’ dawn is-sewwieqa li huma kollha għandhom familja. Għalhekk dak l-inċident mhux se jaffettwa lilhom biss iżda wkoll xi membri oħra tal-familja li jinkwetaw u jkunu ferm imnikkta għal dak li jkun ġara.”
“Qed nedukaw ukoll ħafna barranin li qed isuqu fit-toroq tagħna u xi kultant hawn min mhux jiddistingwi li pajjiżhom isuqu differenti minn hawn u nisħqu ħafna għall-attenzjoni u jekk ikollhom xi diffikultà jfittxu l-għajnuna tagħna.”
Tlabna lill-Kap Eżekuttiv tal-Malta Road Safety Council Pierre Vella sabiex jgħaddi l-aħħar messaġġ tiegħu fi tmiem din l-intervista.
“L-ewwelnett nixtieqkom taqraw sew dan il-messaġġ speċjalment għalikom is-sewwieqa li ta’ kuljum tużaw it-toroq Maltin u Għawdxin. Nisħaq ħafna fuq il-prudenza u dejjem inħeġġeġ lilkom biex issaqsu x’nista’ nagħmel jien sabiex inżomm is-sigurta’ tiegħi u ta’ ħaddieħor waqt li nsuq?”
“Kulħadd jista’ jagħmel il-parti tiegħu u ma neżaġerawx. Bil-prudenza kapaċi jkollna toroq siguri. Jien nistieden lil dawk is-sewwieqa li se jkunu se jmorru għal xi festin f’dawn iż-żminijiet sabiex jaħsbuha darbtejn qabel ma jixorbu żżejjed. Nixtiequ jaħsbu fuq il-familji tagħhom u x’dulur iħallu warajhom meta jiġrilhom xi ħaġa.”
“Il-ħajja hi sabiħa u importanti li tgħixha mingħajr inkwiet żejjed. Il-karozza jew il-mutur tista’ tirranġah iżda l-ħajja ġaladarba tispiċċa ma tistax terġa’ tiġi lura. Mela żommu moħħkom hemm fit-toroq meta tkunu qed issuqu ħalli nnaqqsu l-inċidenti.”