Saturday, November 23, 2024

Ħidma mill-MIA biex l-ajruport jopera biss bl-enerġija nadifa

Aqra wkoll

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta appoġġja d-Dikjarazzjoni ta’ Toulouse dwar is-sostenibbiltà futura u d-dekarbonizzazzjoni tal-avjazzjoni, u b’hekk kompla jafferma l-impenn tiegħu li jilħaq l-istatus net zero sal-2050. 

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fil-fatt diġà identifika post adattat għall-ħames sistema fotovoltajka tiegħu, li hija mistennija li tiġi installata aktar tard din is-sena. Permezz ta’ din il-ħames sistema solari, il-mitjar huwa mistenni li jkun jista’ jopera biss bl-enerġija nadifa.

Investiment kontinwu fl-enerġija solari ilu għal dawn l-aħħar snin jgħin lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta inaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, hekk kif il-kumpanija qiegħda taħdem sabiex tilħaq l-istatus net zero sal-2050 u taspira li tilħaq in-newtralità karbonika saħansitra qabel din id-data. 

Matul dawn l-aħħar 10 snin, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta investa aktar minn €2 mijun f’pannelli fotovoltajċi, bl-aktar sistema solari li ġiet installata reċentement tkun dik f’Park Eastli li tinsab fis-sular ta’ fuq tal-parkeġġ il-ġdid tal-ajruport.

Din is-sistma hija magħmula minn aktar minn 1,400 pannella li jipproduċu l-enerġija miż-żewġ naħat u li flimkien għandhom kapaċità massima ta’ 760 kWp. Din is-sistema ġiet installata u kkummissjonata lejn l-aħħar tas-sena 2021 u b’hekk l-effett sħiħ tagħha ser jinħass għall-ewwel darba matul din is-sena. Fil-fatt, huwa mistenni li permezz ta’ din is-sistema fotovoltajka, l-enerġija nadifa ġġenerata mill-ajruport ser tiżdied miż-2.08 miljun kWh li ġew iġġenerati fl-2021 għal aktar minn 3 miljun kWh din is-sena.

Inizjattivi oħrajn jinkludu s-sostituzzjoni gradwali ta’ tidwil eżistenti b’alternattivi aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-introduzzjoni ta’ Building Management System ġdida li qiegħda tgħin lill-ajruport jottimizza l-użu tal-enerġija fit-terminal permezz ta’ kontroll awtomatizzat tal-kwalità tal-arja u l-klima fil-binja. 

Aktar kmieni din is-sena, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar ukoll li bħala parti mill-proġett ta’ Apron X, kienu ser isiru xogħlijiet ta’ tħejjija sabiex titwassal provvista tal-elettriku sal-istands ta’ parkeġġ il-ġodda, f’konformità mal-pjan tal-Unjoni Ewropea għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra Fit 55, sabiex l-ajruplani pparkjati jkollhom aċċess għall-enerġija elettrika minflok il-fjuwil.

Sport