Thursday, May 1, 2025

Ħidma oħra lejn aktar standards għoljin f’dak li nikkunsmaw

- is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said dwar it-twaqqif tal-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel

Aqra wkoll

“Li qed inressqu llum quddiem il-Parlament huwa ħidma oħra lejn aktar standards għoljin f’dak li aħna nikkunsmaw. Qed nelevaw l-istandards billi noħolqu Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel li hi maħsuba biex tindirizza l-isfidi kontemporanji marbuta mas-sigurtà, il-kwalità u s-sostenibilità tal-ikel.” 

Iddikjarat dan is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said meta fil-Parlament kompla jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi li jipproponi t-twaqqif ta’ Awtorità dwar is-Sigurtà tal-Ikel. 

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said bdiet billi qalet li s-sigurtà tal-ikel huwa suġġett li jaffettwa lil kulħadd. “L-ikel huwa wieħed mill-elementi essenzjali sabiex insostnu l-ħajja. Niddependu fuqu biex ngħixu. Matul iż-żminijiet, pajjiżna, minħabba ċ-ċokon tiegħu, dejjem kellu jiffaċċja sfidi kbar biex jipproduċi biżżejjed ikel għall-ħtiġijiet tal-popolazzjoni.”

Hija kompliet billi għamlet referenza għall-għanijiet prinċipali ta’ din il-liġi li huma dawn li ġejjin: li tiċċentralizza r-responsabbiltà għas-sigurtà tal-ikel u s-sostenibbilità tas-sistema tal-ikel, li tipprovdi awtorità legali għaċ-ċertifikazzjoni, regolamentazzjoni u infurzar relatati mas-sigurtà tal-ikel, li ssaħħaħ il-preparazzjoni ta’ Malta fejn tidħol is-sigurtà tal-provvista tal-ikel u li tikkonforma mal-istandards Ewropej u internazzjonali għas-sigurtà tal-ikel. 

Hija qalet li b’dawn l-għanijiet, l-Awtorità se jkollha s-setgħa u l-funzjoni biex tkun tista’ tirregola b’mod effettiv is-settur tal-ikel f’Malta. Dan jinkludi r-regolamentazzjoni tan-negozji tal-ikel kif ukoll kontrolli fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-prodotti tal-ikel sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-prodotti li jidħlu u joħorġu mill-pajjiż.

Barra minn hekk, l-Awtorità se jkollha l-funzjoni li twettaq spezzjonijiet u valutazzjonijiet tar-riskji biex tiġi evitata kwalunkwe periklu għall-konsumatur. 

Hija qalet ukoll li waħda mill-aktar funzjonijiet importanti li se jkollha din l-awtorità hi l-preparazzjoni ta’ pjanijiet ta’ kontinġenza għal riskji potenzjali fil-katina tal-provvista tal-ikel. “Malta għandu jkollha strateġija sabiex tkun preparata għal kull sfida u eventwalità relatati mal-ikel u l-provvista tiegħu. B’dak li qed ikun propost ukoll, qed naraw li l-katina tal-ikel tkun issorveljata b’inqas burokrazija u b’aktar simplifikazzjoni.”

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said tenniet li l-għan ewlieni ta’ dawn l-emendi huwa li jkun hemm konsistenza u armonizzazzjoni bejn il-liġijiet eżistenti u l-leġiżlazzjoni l-ġdida. “U dan irridu narawh anke jseħħ permezz tal-Awtorità li issa se tiġbor kollox taħt saqaf wieħed.”

“Permezz ta’ din l-awtorità rridu nkomplu naraw li l-irziezet f’pajjiżna qed jitmexxew skont protokolli li mhux biss iħarsu l-benesseri tal-annimali, iżda wkoll li jassiguraw is-sigurtà tal-ikel f’dak li qed jipproduċu.”

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said saħqet ukoll li “l-konsumatur għandu jkun ċert, li dak li qiegħed jixtri u jikkonsma, hu sigur u ta’ kwalità. U dan hu dak li eżattament dak li se tassigura din l-Awtorità l-ġdida.”

Hija tenniet li permezz ta’ dan il-pass, se jkunu qegħdin isaħħu l-protezzjoni tal-konsumatur, jippromwovu l-fiduċja fil-provvista tal-iikel u jkomplu jiżguraw konformità mal-liġi tal-ikel tal-UE u dik lokali.

“Din hi l-viżjoni tagħna sabiex dan is-settur jibqa’ miexi ’l quddiem u sabiex nassiguraw l-aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi kollu,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport