Sunday, December 22, 2024

Ħidma sfieqa favur l-għaqda fost l-Insara

Aqra wkoll

Monsinjur Professur Hector Scerri, li għandu 58 sena u hu minn Santa Venera, ilu saċerdot mill-1993. Ilu jgħallem it-teoloġija fl-Università ta’ Malta mill-1998. Mill-2008, hu responsabbli mir-relazzjonijiet ekumeniċi bejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta u Knejjes oħra f’pajjiżna.

Fl-2014, il-Papa Franġisku ħatru Konsultur għall-Kunsill Pontifiċju għall-Għaqda fost l-Insara. Ippubblika jew editja tnax-il ktieb, fost l-oħrajn, tliet volumi bl-isem Cor ad Cor Loquitur, li fihom ġabra ta’ diskorsi dwar il-fidi u l-ħajja ta’ kuljum – diskorsi sagri u oħrajn akkademiċi jew popolari (għall-poplu) li għamel bejn l-1993 u l-2019. Ippubblika wkoll madwar 400 artiklu f’rivisti barranin u lokali.

Ftit tal-jiem ilu, is-Santa Sede ħatret lil Mons. Hector Scerri  bħala membru tal-Kummissjoni Internazzjonali Konġunta għad-Djalogu Teoloġiku bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa, li l-għan tagħha hu li ġġib ’il quddiem id-djalogu teoloġiku bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa.

Mons. Scerri, ilu Konsultur tad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Għaqda fost l-Insara mill-2014. Huwa professur tat-teoloġija dommatika u tal-ekumeniżmu fil-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta’ Malta u l-President tal-Kummissjoni Ekumenika tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u tal-Kummissjoni Dottrinali tal-Konferenza Episkopali Maltija.

Jgħallem it-teoloġija fis-Seminarju t’Għawdex ukoll u huwa l-Assistent Ekkleżjastiku Nazzjonali ta’ Aid to the Church in Need li hi fondazzjoni pontifiċja li tgħin lill-Insara persegwitati. Fl-2018, l-Arċisqof Scicluna ħatru Monsinjur tal-Kapitlu Metropolitan. Fil-fatt huwa jagħti s-servizz tiegħu fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Fil-Kapitlu huwa jaqdi l-kariga ta’ Kanċillier u Kantur. Jagħti servizz pastorali fil-parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun ukoll.

Kif qed tħares lejn din il-kariga prestiġjuża internazzjonali?

Inħares lejn il-missjoni ġdida li ġejt afdat biha – li hi żjieda ma’ dak kollu li diġà nagħmel – b’umiltà kbira. Hija missjoni ta’ responsabiltà kbira għax tittratta d-djalogu uffiċjali bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa. Mhix xi biċċa xogħol faċli, imma li jagħtini konfort hu li nkunu tim ta’ madwar 15-il persuna minn kull naħa, u għalhekk hija ħidma ta’ flimkien. Hija ħidma li titlob ħafna studju u riflessjoni. Il-Kummissjoni li bdejt nagħmel parti minnha ilha mwaqqfa mill-1979. Ir-riżultat tad-djalogu dejjem għaddej wassal għal numru sabiħ ta’ dokumenti teoloġiċi li hemm qbil fuqhom miż-żewġ naħat. Dan hu sinjal tajjeb.

Kif għandna iddefinixxu l-ekumeniżmu? U l-Knisja Kattoika kif tiddefeniha?

Qabel xejn, irrid ngħid żewġ affarijiet importanti. L-ewwelnett, meta nitkellmu dwar l-ekumeniżmu, qed nirreferu għal dawk l-isforzi kollha li jsiru biex jingħelbu firdiet kbar li seħħew mijiet ta’ snin ilu bejn il-Knejjes Insara. Ġesù Kristu waqqaf Knisja waħda, elfejn sena ilu, imma sfortunatament tul l-istorja twila tagħha seħħet firda kbira kważi elf sena ilu, bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa. Firda kbira oħra ġrat ftit aktar minn ħames mitt sena ilu, fi żmien Martin Luteru, bejn il-Knisja Kattolika u l-komunitajiet Protestanti. 

It-tieni ħaġa importanti li rrid ngħid lill-qarrejja hi li meta nitkellmu dwar l-ekumeniżmu m’aħniex nitkellmu dwar reliġjonijiet oħra, għax meta nirreferu għal reliġjonijiet oħra, bħall-Iżlam, il-Ġudaiżmu, il-Buddiżmu, l-Induwiżmu, eċċ, inkunu qed nitkellmu dwar persuni li mhumiex mgħammdin. Meta nitkellmu dwar ekumeniżmu, qed nirreferu għall-membri ta’ Knejjes Insara, jiġifieri għall-membri tal-istess reliġjon Nisranija – u allura persuni mgħammdin: li flimkien nemmnu li Alla tagħna huwa Alla wieħed fi tliet Persuni, li Alla sar bniedem minn Marija Verġni permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, nemmnu li l-Bibbja hi l-Kelma ta’ Alla, u ħafna veritajiet kbar komuni għall-Insara kollha.


Kif nistgħu nikkontribwixxu biex naħdmu għall-unità fost l-Insara?   

Naħdmu għall-għaqda fost l-Insara b’diversi modi. Qabel xejn, tajjeb li nkunu nafu dwar Knejjes Insara differenti, u nħarsu lejn il-membri tagħhom bħala aħwa u mhux bħala rivali jew għedewwa. Naħdmu għall-għaqda li jrid Ġesù billi nitolbu għall-għaqda, u billi nkunu fi djalogu ma’ Nsara minn Knejjes oħra. L-aktar djalogu bażiku huwa dak li jseħħ fil-grassroots, jiġifieri li inti tkun ħabib u tipprova tgħin ġar jew sieħbek tax-xogħol li jinzerta membru ta’ Knisja oħra. Illum, ġewwa Malta u Għawdex, kontinwament niltaqgħu ma’ bnedmin Insara li mhumiex Kattoliċi, u tajjeb li nkunu qrib tagħhom. Dan huwa l-ekumeniżmu tal-ħajja ta’ kuljum.


Għad tasal dik il-ġurnata meta bħala nsara nkunu nistgħu ngħidu li aħna tassew magħqudin meta nikkunsidraw li tl-fehim tagħna tal-Evanġelju huwa daqshekk distanti? – 

Il-firdiet li semmejt qabel huma sfida reali u ostaklu kbir. Għalhekk, għalkemm it-triq għall-għaqda hija waħda twila, tajjeb li nagħmlu pass fid-direzzjoni t-tajba. Kull vjaġġ twil jibda bl-ewwel pass. Tul dan il-vjaġġ, huwa possibbli li nersqu aktar lejn xulxin. Hemm ħafna aktar li jgħaqqadna bħala Nsara, milli dak li jifridna. Semmejtli l-Evanġelju. Nixtieq ngħid li għall-Insara kollha hemm Evanġelju wieħed. Jista’ forsi jkun hemm xi ftit siltiet fejn Knejjes differenti jagħmlu emfasi jew interpretazzjoni ftit differenti. Imma, essenzjalment, ma ngħidx li ninsabu ‘l bogħod minn xulxin fejn jidħol l-Evanġelju.

Nistgħu naċċettaw it-twemmin ta’ ħutna ta’ denominazzjonijiet oħra fuq termini ugwali hekk kif naċċettaaw it-tagħlim tal-Knisja Kattolika?

Hemm aspetti fejn, iva, ma naqblux bejnietna. Mhux kull tagħlim jista’ jitqiegħed fuq l-istess livell. Għan-Nisrani Kattoliku, it-tagħlim prinċipali jinstab miġbur fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Hemm tagħlim ta’ Knejjes oħra li ma naqblux miegħu, imma kemm ikun aħjar li nippruvaw nifhmu l-perspettiva l-oħra. L-ekumeniżmu u d-djalogu ekumeniku ma jfissirx li naqblu fuq kollox. Jista’ jagħti l-każ li nkunu qegħdin inħarsu lejn l-istess veritajiet tal-fidi, imma minn angoli differenti.

Fl-ispirtu tal-ekumeniżmu, nistgħu nattendu għal dak li huwa magħruf bħala l-‘Qsim tal-Ħobż fis-servizz ta’ ħutna gejjin minn denominzzjonijiet oħra u jistgħu huma bl-istess mod jipparteċipaw fiċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa billi jirċievu s-Sagrament tal-Ewkaristija?

M’hemm xejn ħażin li xi ħadd Kattoliku jattendi f’xi okkażjoni partikulari l-Ewkaristija ta’ Knejjes oħra, jew li Nsara oħra jattendu Ewkaristija fi Knisja Kattolika. Li ma nistgħux nagħmlu huwa li nitqarbnu fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ xulxin. Għaliex? Jekk l-Ewkaristija hija s-sagrament tal-għaqda fi Kristu, kif nistgħu ngħidu li aħna magħqudin billi nitqarbnu, meta fil-fatt m’aħniex magħqudin? Il-fatt li ma nitqarbnux juri li għadna m’aħniex magħqudin. Però, tajjeb li ngħidu li nistgħu nitolbu flimkien għall-għaqda. Mhux l-ewwel darba li jien, bħala saċerdot Kattoliku, ġejt mistieden nipprietka l-omelija waqt ċelebrazzjoni ta’ Knisja oħra. L-Isqfijiet tagħna, anke fl-imgħoddi, għamlu dan. Jiena ġie li kont preżenti meta saċerdot jew minister ta’ Knisja oħra kien mistieden jagħmel omelija waqt ċelebrazzjoni Kattolika. Kemm hi esperjenza qawwija meta nagħtu l-paċi lil xulxin! Il-weġgħa kbira hi li nistgħux nieħdu sehem mill-istess mejda Ewkaristika.

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħid xi ħaġa oħra dwar l-ekumeniżmu jew l-għaqda fost l-Insara?

Il-Knisja Kattolika tgħallem ħafna dwar l-ekumeniżmu. Ibda biex, wieħed mid-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II, Unitatis redintegratio, ippubblikat fl-1964, huwa dwar l-ekumeniżmu. Fl-aħħar 60 sena, il-Knisja Kattolika u ħafna Knejjes Insara oħra ħadmu ħafna biex jersqu lejn xulxin. Fl-1995, il-Papa Ġwanni Pawlu II ippubblika enċiklika dwar l-impenn ekumeniku bl-isem Ut unum sint (Biex ikunu ħaġa waħda). Il-Papiet kontinwament jisħqu dwar l-ekumeniżmu. U dan jidher ukoll f’ġesti li rajnihom permezz tal-midja.


Ta’ min hija r-responabbiltà li jaħdem għall-għaqda fost l-Insara?

Hija responsabiltà ta’ kull Nisrani li jaħdem għall-għaqda fost l-Insara, naturalment kull kulħadd skond l-irwol li għandu. Qabel semmejt l-ekumeniżmu tal-grassroots li jseħħ fil-ħajja ta’ kuljum. Dak jista’ jagħmlu kulħadd. Hemm l-ekumeniżmu spiritwali fejn dak li jkun jimpenja ruħu li jitlob għall-għaqda jew jattendi xi servizz ekumeniku. Hemm, imbagħad, id-djalagu formali li jsir mill-esperti, mit-teoloġi u mill-mexxejja tal-Knejjes. Il-Kummissjoni li nħtart fiha biex inkun fiha dan l-aħħar hi forum fejn isir dan id-djalogu formali.

X’inhuma l-għanijiet tal-ekumeniżmu?

L-għan tal-ekumeniżmu jibqa’ dejjem li sseħħ l-għaqda li ried Kristu fost dawk li jimxu warajh. Dan ifisser li nagħmlu minn kollox biex nersqu lejn xulxin. Hemm ukoll diversi ċirkustanzi fejn Insara minn Knejjes differenti jgħaqqdu r-riżorsi tagħhom flimkien biex jgħinu bnedmin li jeħtieġu l-għajnuna. Dan ukoll huwa ekumeniżmu.

L-ekumeniżmu kif jiddistingwi ruħu minn djalogu interreliġjuż?

L-ekumeniżmu, kif spjegat fil-bidu, huwa differenti u distint mid-djalogu interreliġjuż. L-ekumeniżmu huwa dejjem fost l-Insara, jiġifieri fost dawk li rċevew il-magħmudija. Qisu għandek aħwa tal-istess familja, imma li nfirdu, imma li issa qegħdin jitkellmu mill-ġdid bejniethom. Dan huwa l-ekumeniżmu. Id-djalogu interreliġjuż huwa djalogu ma’ bnedmin li huma membri ta’ reliġjonijiet oħra, u li għalhekk mhumiex mgħammdin. Filwaqt li fid-djalogu ekumeniku, diġà hemm ħafna li jgħaqqadna, fid-djalogu interreliġjuż nintebħu li ninsabu aktar ‘il bogħod minn xulxin. Però, dan ma jfissirx li ma nitkellmux bejnietna u ngħinu lil xulxin.

X’inhuma l-għanijiet ta’ djaolgu interreliġjuż?

L-għanijiet tad-djalogu interreliġjuż jinkludu apprezzament ta’ reliġjonijiet ferm differenti minn xulxin, kif ukoll li tikber is-solidarjetà u l-armonija bejn il-bnedmin. Il-bnedmin li b’mod sinċier jippruvaw jgħixu r-reliġjon li jħaddnu lkoll qed ifittxu li jkunu f’komunikazzjoni mad-Divin. Dan l-ispirtu pożittiv bejn bnedmin minn kull reliġjon jisħaq ħafna fuqu Papa Franġisku. Dan jidher fil-vjaġġi li hu għamel f’pajjiżi fejn reliġjonijiet oħra huma l-maġġoranza. Jidher ukoll fl-enċiklika tiegħu Fratelli tutti (Ilkoll Aħwa) tal-2020.

X’inhuma l-punti ta’ riferiment teoloġiċi għal djalogu interreliġjuż?

L-aktar punti bażiċi f’dan il-kamp huma d-dinjità ta’ kull bniedem, li kull bniedem għandu d-dritt iħaddan reliġjon li jixtieq hu u jitħalla jagħmel dan b’libertà, fi kliem ieħor li nirrikonoxxu li f’kull bniedem hemm l-għatx għal dak li huwa spiritwali u li dan jiġi soddisfatt fit-tfittxija ta’ dak li huwa traxxendent, jiġifieri lil hinn mill-bniedem. Punt ieħor importanti hu li ebda reliġjon ma għandha tippretendi li hi aqwa minn oħra. Il-punt tat-tluq huwa wieħed ta’ rispett reċiproku.

Wieħed ikun irid inaqqas twemmin Nisrani rigward Ġesù Kristu fi djalogu interreliġjuż?

Jekk hemm rispett reċiproku bejn membri ta’ reliġjonijiet differenti, jien għandi nesprimi dak li nħaddan u nemmen dwar Ġesù mingħajr biża’, u għandi nistenna li ħaddieħor jirrispetta dak li jien nemmen. Jien għandi nagħmel l-istess meta nisma’ lill-ieħor jitħaddet dwar ir-reliġjon tiegħu. Naturalment, se jkun hemm aspetti fejn ma naqblux, però, nerġa’ ngħid li dan ma jfissirx li ma nitkellmux bejnietna.

Liema referenza bibblika tkun idonea rigward dan?  

Għalija huwa bażiku l-kliem ta’ Ġesù: “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien”. Jekk jien nirrispetta lill-persuni ta’ reliġjon differenti billi nurihom imħabba, din hija lingwa li jifhimha kulħadd, il-lingwa tal-imħabba.

Dan kollu jħalli spazju għal reliġjoniet oħra li jkollhom rwol pożittiv fil-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ kulħadd?

Il-Knisja Kattolika stess tgħallem li l-membri ta’ reliġjonijiet oħra jsalvaw ukoll, kemm-il darba huwa jsegwu l-kuxjenza tagħhom u jħaddnu l-aspetti pożittivi tar-reliġjon tagħhom. Il-Konċilju Vatikan II għallem li f’reliġjonijiet oħrajn hemm żerriegħa tal-verità, u aspetti li huma tħejjija għall-Evanġelju.

X’inhuma wħud mill-isfidi u frott ta’ djalogu interreliġjuż? 

Fost l-isfidi tad-djalogu interreliġjuż hemm il-fatt li hemm anqas common ground milli hemm fid-djalogu ekumeniku. F’dan tal-aħħar hemm ħafna aktar li nħaddnu flimkien u mingħajr diffikultà. Fost dak li jqawwilna qalbna fid-djalogu interreliġjuż, hemm bosta riżultati pożittivi fosthom il-ħidma għall-paċi fid-dinja. Id-dikjarazzjoni tal-Papa Franġisku ma’ xi mexxejja Musulmani fi Frar li għadda tal-2019 u dikjarazzjonijiet oħra li għamel fl-aħħar snin huma hija eżempju sabiħ.

Kif jistgħu persuni jipparteċipaw fi djalogu ekumeniku u / jew interreliġjuż?

Fiż-żewġ każi, huwa importanti li nieħdu sehem b’dawn l-atteġġjamenti: li nkunu nafu sew ir-reliġjon li nħaddnu; li nuru rispett lil dawk minn Knisja differenti jew minn reliġjon differenti; li nieħdu sehem b’qalb mimlija mħabba u rispett lil kull bniedem. Dan huwa l-bażi għal kull djalogu, kemm jekk ekumeniku, kif ukoll interreliġjuż.

Se jsir Servizz Ekumeniku nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Jannar fis-6:30 pm f’St Andrew’s Scots Church, Triq Nofs in-Nhar, il-Belt Valletta. Kulħadd huwa mistieden.

Ekonomija

Sport