Sunday, December 22, 2024

“Hija assolutament gidba li sparixxew xi files mediċi”- Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal

Aqra wkoll

“Hija assolutament gidba li sparixxew xi files mediċi kif qed jallega Agius. Kull file virtwali jew fiżiku mitlub mill-Pulizija ġie mgħoddi lilha fl-intier tiegħu għall-investigazzjoni u kull file ġie skrutinizzat fl-intier tiegħu. Il-biċċa l-kbira tal-files huma virtwali u bis-sistema online, l-ebda dokument jew parti minnu ma tista’ titneħħa mingħajr ma jkun hemm traċċa ta’ dan”.

Dan qalu l-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal fi stqarrija, fejn irrefera għal dak li qal Roger Agius. Ġie spjegat li kieku verament seħħ dak li qed jivvinta Agius, kieku dan jista’ jiġi identifikat faċilment.

Fl-istess stqarrija intqal; “Huwa ovvju aktar minn qatt qabel li Agius għandu diffikultà kbira jispjega x’kien l-involviment tiegħu fl-allegat ‘racket’, li jidher ċar kristall li mhux veru sar għall-voti kif qed jallega hu imma għal raġunijiet oħra li eventwalment jiġu stabbiliti fil-Qorti”.

Ġie spjegat ukoll kif mill-investigazzjonijiet li saru dwar il-files kollha nstab li 340 persuna kienu qed jieħdu din l-assistenza b’qerq u li l-ħlasijiet ġew imwaqqfa immedjatament u qed jinġabru lura.

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal fakkar li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali kkopera bi sħiħ mal-Pulizija mal-mument li ntalab jgħaddi l-informazzjoni mitluba.

Il-Ministeru appella wkoll lill-Qorti biex tieħu nota tal-ksur regolari tal-prinċipju bażiku tal-ġustizzja li qed isir f’dan il-każ li għadu ‘sub-judice’, għall-kuntrarju ta’ każi oħrajn fejn l-istess Qorti qed tapplika dan il-prinċipju b’fermezza.

Ekonomija

Sport