Il-problema tal-infertilità hija waħda komuni u reali. Inġenerali 10% tal-popolazzjoni dinjija jkollha problemi biex tikkonċepixxi tarbija u llum il-ġurnata din il-problema saret aktar komuni minħabba li l-koppji qegħdin jistennew aktar. biex jespandu l-familja.
Meta x-xewqa li jkollhom it-tfal ma timmaterjalizzax ruħha minħabba problemi ta’ infertilità, din twassal għal sitwazzjoni diffiċli mmens iżda grazzi għal teknoloġija avvanzata, professjonisti speċjalizzati fil-qasam u diversi trattamenti, din il-ħolma xorta waħda tista’ ssir realtà permezz tal-IVF.
Mhux talli hekk, talli fejn qabel ħafna koppji kienu jsiefru għall-IVF, barra s-servizz fl-Isptar Mater Dei, minn Jannar li ġej se tibda topera klinika li toffri servizz ta’ livell Ewropew tant li l-koppji Maltin m’għadx se jkollhom il-bżonn li jsiefru biex jieħdu l-aqwa trattament possibbli.
Klinika tal-IVF b’livell Ewropew tagħti lok li jispiċċa l-bżonn ta’ safar għal dan it-trattament… f’xahrejn 200 koppja fittxu l-għajnuna
Talk.mt tkellem ma’ Dott. Christine Schembri Deguara, l-ewwel Maltija li speċjalizzat minn Londra fuq l-IVF. Dott. Wara studju u taħriġ intensiv, kif ukoll esperjenza bħala konsulenta f’Londra, hija ġiet ingaġġjata mill-“Hope Fertility Clinic” biex tiftaħ din il-klinika f’pajjiżna u fis-sejħa li għamlet għal konsultazzjonijiet b’xejn, ir-rispons lokali kien wieħed qawwi ferm.
Dott. Schembri Deguara ħabbret li fi żmien xahrejn il-klinika tagħha diġà rat 200 koppja, medja ta’ aktar minn żewġ koppji kuljum, li rrikorrew għall-għajnuna tagħhom biex jinqabdu tqal. “Tul il-konsultazzjonijiet rajna verament ammont kbir ta’ koppji bi problemi ta’ infertilità u dan juri li hawn bżonn kbir f’Malta. Minnhom hemm dawk li diġà ppruvaw l-IVF iżda ma nqabdux,” bdiet tispjega l-ispeċjalista tal-IVF.
Fl-intervista hija qaltilna li l-fatt li f’Malta se jkun hawn din il-klinika avvanzata, il-koppji li m’humiex eleġibbli għal trattament bla ħlas f’Mater Dei jew li jridu servizz privat, issa se jkollhom il-fakultà li jiġu tratti bl-aqwa teknoloġija f’pajjiżna mingħajr il-ħtieġa li jsiefru.
“Issa t-trattament tal-IVF huwa lussu lokali fejn is-servizz tal-klinika Hope Fertility se jagħti lok biex ma jkunx hemm għalfejn tinkwieta jew tħalli lil pajjiżek u l-għeżież biex tagħmel l-IVF,” sostniet Dott. Schembri Deguara.
Din l-ispeċjalista minn dejjem xtaqet taqbad din il-linja ta’ xogħol b’mod speċjali l-kirurġija ġinekologa. Omm ta’ tnejn b’karriera brillanti, Dott. Schembri Deguara hija bint ġenituri tobba. Fix-xogħol tagħha hija taħdem ma’ koppji żgħażagħ b’saħħithom li jixtiequ jibnu familja u l-fatt li l-qasam mediku tal-IVF jinbidel il-ħin kollu, dan jinteressaha ħafna. “Personalment dan l-element jagħmel din il-linja interessanti ferm, b’mod speċjali dak embrijoloġiku,” kompliet Dott. Schembri Deguara.
“Din hija r-realtà li għandna llum…”
Il-problema tal-infertilità llum il-ġurnata saret iżjed komuni l-aktar minħabba l-età aktar avvanzata li tikkawża bajd inqas b’saħħtu. Dan dejjem b’mod ġenerali minħabba li kull każ huwa differenti. “In-nisa minħabba studju u karriera jibdew jaħsbu għat-trabi meta jkollhom ‘il fuq minn 35 sena. Sfortunatament din hija l-età bijoloġika meta l-affarijiet isiru aktar ikkomplikati.
Hija tikkonferma li jafu li f’popolazzjoni fejn il-familji jibdew aktar tard, il-problemi tal-infertilità jikbru. Tul is-snin hija rat u ħafna nisa li kienu jippruvaw joħorġu tqal imma ma kellhomx aċċess għat-teknoloġija li għandna llum u għaldaqstant kienu jmorru għall-adozzjoni.
“Li jagħmel tarbija tiegħek m’huwiex neċessarjament kodiċi tal-ġenetika imma t-twelid, it-trobbija, il-familja li tikber fiha u l-ambitù soċjali li tgħix fih,” – Dott. Schembri Deguara
“Kelli wkoll ħbieb bil-problema tal-infertilità u dawn kienu persuni viċin tiegħi li kont inħoss ħafna għalihom. Meta tarahom jippruvaw ħafna tara l-lat personali aktar milli dak mediku. Hemm l-impatt fiżiku, psikoloġiku u anke r-relazzjonjiet tal-koppji. Dan biex ma nsemmux l-impatt mis-soċjetà, għax sfortunatament għandna ngħixu f’soċjetà mhux biss Malta imma anke barra, meta n-nies jistaqsu jekk għandekx tfal u kemm ilek miżżewġa,” kompliet Dott. Schembri Deguara.
Din l-ispeċjalista qalet li dawn l-affarijiet jaffettwaw lill-koppja u lill-mara. Koppja bi problema ta’ infertilità jmorru fi klinika apposta fejn isiru għadd ta’ testijiet fosthom test tad-demm u ultrasound min-naħa tal-mara u min-naħa tar-raġel isir l-isperm count biex jaraw għaliex il-koppja m’hiex tinqabad tqila.
It-tabiba qalet li jekk l-età tkun akbar minn 35 sena u koppja tkun ilha mill-inqas sitt xhur tipprova sew għal tarbija, din almenu għandha tmur tiċċekkja jekk hemmx xi ħaġa ovvja ħalli tiġi rranġata. Il-problema hija li jekk koppja tkun ilha qiegħda tipprova minn meta jkollhom 30 sena u jistennew 10 snin, meta jiġu jkollhom mal-40 sena. “Din xorta tista’ tingħata t-trattament iżda fl-aħħar mill-aħħar il-bajda li jkollha 40 sena m’hiex bħal dik ta’ 30 sena u se ddum aktar biex tinqabad tqila. Għalhekk ngħid lin-nies jieħdu azzjoni bikrija,” sostniet Dott. Schembri Deguara.
Minn x’hiex tgħaddi l-koppja
Il-koppji li jiffaċċjaw problemi ta’ infertalità jsofru mmens u jgħaddu minn fażijiet differenti fejn għall-bidu jibqgħu jittamaw li xi darba sseħħ waħidha t-tqala. Meta s-snin jgħaddu u fl-aħħar imorru għall-investigazzjonijiet mediċi u jingħataw id-djanjosi jistaqsu għala dan qiegħed jiġri lilhom. Il-fażi ta’ wara tkun li jidħol sens ta’ tama li t-trattament jirnexxi u meta joħorġu tqal permezz tal-IVF hemm żewġ konklużjonijiet – emozzjoni ta’ ferħ meta r-riżultat ikun twelid ta’ tarbija u l-ieħor ta’ dispjaċir meta l-mira ma tintlaħaqx.
Jidħol ukoll l-element ta’ stress qawwi u s-sens ta’ ħtija għax ma jistgħux jagħtu tarbija lis-sieħeb/a tagħhom. “Din narawha ħafna fir-relazzjonijiet tant li anke jkollhom il-problemi bejniethom. Hawnhekk tidħol l-importanza ta’ assistenza medika u s-support professjonali minn counselors. Mhux kulħadd iħossu komdu jitkellem ma’ tal-familja jew mal-ħbieb,” kompliet din l-ispeċjalista.
Meta r-riżultat ikun negattiv, huma jaraw għala l-proċess ma rnexxiex u jagħmlu pjan għaċ-ċiklu li jmiss. Hija fl-aħħar mill-aħħar tgħid lill-koppji li r-rata ta’ suċċess anke fiċ-ċentri Ewropej hija ta’ 35-45%. Għaldaqstant, ir-rata ta’ riżultat negattiv hija ta’ medja ta’ 60%.
“Din hija xi ħaġa li rridu nkunu onesti dwarha u ngħidilhom li nafu li din hija ċ-ċiklu u nafu kif nistgħu ngħinuhom. Però, preżentament is-sitwazzjoni hija hekk. Imma ma tridux taqtgħu qalbkom jekk ma jirnexxilkomx mal-ewwel darba.”
Proċess li jista’ jkun twil u ta’ sfida
Is-sistema tal-IVF taħdem biċ-ċikli u l-proċess jista’ jkun wieħed twil u ta’ sfida kemm mil-lat fiżiku tal-mara li se ġġorr it-tarbija, dak emozzjonali, psikoloġiku, kif ukoll dak finanzjarju fejn trattament privat jiswa l-eluf ta’ Ewros (€4,000 – €12,000).
Mil-lat fiżiku l-aktar li tintlaqgħat hija l-mara li trid tipprepara ġisimha għat-tqala u ġġorr b’suċċess sat-twelid lit-tarbija. Waħda mill-akbar riskji f’dan il-proċess hija l-“hyper stimulation” fejn il-mara tintefaħ. Dott. Schembri Deguara f’dan ir-rigward qalet li jekk il-proċess isir kif suppost, il-mara tingħata l-mediċini f’dożi tajbin u tkun segwita sew, iċ-ċans ta’ komplikazzjonijiet minn stimulazzjoni qawwija ta’ bajd hija żgħira.
Hija speċifikat li, “il-mira tal-maġġoranza tal-kliniċi tal-fertilità hija li żżomm ir-rata ta’ hyper stimulation ta’ inqas minn 20%. Fortunatament grazzi għat-teknoloġija tal-lum ir-riskju naqas ħafna. Fi klinika tajba ċ-ċans li dan iseħħ f’forma severa għandha tkun ta’ 13%, idealment inqas minn 10%”. Dott. Deguara qalet li wieħed irid jevita l-istimulazzjoni severa jew moderata u għalkemm hemm ir-riskju, l-IVF fi klinika fejn hemm l-ispeċjalisti li jafu b’dawn il-kundizzjonijiet, huma ftit.
Mistoqsija dwar is-sigurtà tal-proċess fejn jidħlu l-embrijuni, din l-ispeċjalista spjegat li llum it-teknoloġija hija ferm aktar avvanzata minn dik li kienu jużaw fil-bidu tal-IVF 40 sena ilu. “Fil-passat biex l-embrijoloġisti jaraw il-proċess kienu joħorġuhom u jdaħħluhom fl-inkubaturi imma grazzi għal teknoloġija inqas manipulattiva tista’ ssegwi lill-embrijuni mingħajr ma tmisshom u dan ovvjament huwa sigur ħafna kkomparat ma’ qabel”.
Dott. Schembri Deguara fost teknoloġiji innovattivi oħra li semmiet qalet li f’Malta l-bajd estratt jista’ jsirlu test tal-ġenetika biex tkun iċċekkjata l-kwalità tagħha. Spjegat li,” dan ħalli tkun tista’ tara bajda minn qabel jekk hiex tajba u normali”.
Rigward it-tqala multipla pjuttost komuni fost tqaliet bl-IVF, hija qalet li, “medikament jekk mara għandha inqas minn 35 sena u l-bajda hija tal-aqwa kwalità, għandu jitpoġġa embrijun fertilizzat wieħed. Jien tgħallimt u nemmen li huwa aħjar li jkollok tqala b’wieħed u tasal sal-aħħar milli tqala multipla li jitwieldu qabel. Dan minħabba li jistgħu jinqalgħu problemi għat-trabi u ovvjament ħafna tħassib għall-ġenituri”.
Bżonn ta’ għajnuna mill-counsellors…
L-isfidi emozzjonali, psikoloġiċi u finanzjarji, il-koppja trid tiffaċċjahom flimkien. Dawn id-diffikultajiet huma test ukoll għar-relazzjoni ta’ bejniethom. Dott. Schembri Deguara tisħaq fuq l-importanza li f’mumenti diffiċli huwa importanti li l-koppja tkun segwita minn counsellors.
Mistoqsija jekk wara dan kollu l-koppji li jkollhom tarbija bl-IVF iħossux l-istess sens ta’ tqala u bond mat-tarbija tagħhom din irrispondiet fl-affarmattiv fejn qalet li f’ċerti każi, proprju minħabba d-diffikultajiet u l-proċess, il-ferħ ikun ikbar għal dawn il-ġenituri ġodda.
Fuq l-istess suġġett hija qalet li l-aktar tħassib komuni fost dawn il-koppji huwa fejn jidħlu d-donazzjoni tal-bajda jew tal-isperma mil-lat ta’ ġenetika. “F’dawn il-każijiet ninsitu għal counselling fost il-koppji minħabba li l-aktar mistoqsija li jagħmlu hija – ‘jekk l-isperma m’hiex tiegħi, it-tarbija tiegħi?’ Hawnhekk tidħol id-diskussjoni bejn ġenetika li fl-aħħar mill-aħħar jien u inti għandna 90% tal-ġenetika tagħna l-istess. Għal mara li se tirċievi bajda b’donazzjoni fiha se jkollha tqala naturali u ġġorr lit-tarbija sakemm twellidha. Li jagħmel tarbija tiegħek m’huwiex neċessarjament kodiċi tal-ġenetika imma t-twelid, it-trobbija, il-familja li tikber fiha u l-ambitù soċjali li tgħix fih,” spjegat Dott. Schembri Deguara.
“Taqtgħux qalbkom għax hemm l-għajnuna”
It-teknoloġija llum għandha rata ta’ suċċess. Dott. Schembri Deguara qalet li jekk tqis li meta tipprova b’mod naturali darba fix-xahar, ir-rata ta’ suċċess hija ta’ 25% meta tkun fl-età ta’ 20 sena; jekk ikollok mat-30 sena ċ-ċans huwa ta’ 15%; mentri meta taqbeż l-40 sema dan jinżel għal 10%.
“Li rrid ngħid huwa li r-rati ta’ tqala normali m’humiex għoljin lanqas u meta jkollok embrijun tal-aqwa kwalità li jagħtik ċans ta’ 40%-50% ta’ tarbija minnu, hemm raġuni valida li wieħed jipprova. Tibżgħux tfittxu l-għajnuna u jekk għandkom tfittxu l-għajnuna importanti li tfittxuha malajr għax ħafna affarijiet jistgħu jsiru b’suċċess aktar ma jinqabdu malajr”.
Hija semmiet każijiet partikolari li ma tinsihom qatt fosthom ta’ koppji li jkunu qatgħu qalbhom kompletament li jkollhom tarbija iżda jirnexxu u każijiet oħra fejn ikun hemm bajda waħda biss, embrijun wieħed u xorta waħda jkollhom tarbija b’suċċess.
“Għalija din hija xi ħaġa kbira u anke statistikament. Allura bilfors tħoss dik is-sodisfazzjon li tgħin lil dik il-koppja. Dawn ma jinsewk qatt kemm bħala klinika, kif ukoll bħala tabiba,” qalet bi tbissima Dott. Schembri Deguara.
Il-parir tagħha huwa li l-koppji ma jistennewx ħafna biex jiċċekkjaw u sostniet li huwa importanti li l-koppja ma tinkwetax jew toqgħod lura għax din hija ħaġa komuni u normali li tolqot lil ħafna koppji, għaldaqstant m’humiex waħidhom.