F’partita valida minn Grupp C ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej, Malta illum tilgħab kontra l-Ingilterra f’partita li se tkun qed tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali u li tibda fid-8.45pm. L-Istadium mistenni jkun mimli daqs bajda u fil-fatt huwa ‘sold out’, hekk kif it-team nazzjonali Ingliż huwa attrazzjoni indiskussa.
Intant, f’konferenza stampa li ġiet indirizzata fis-sala taċ-Ċentru Tekniku li tinsab biswit l-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, il-coach tat-team nazzjonali Malti, Michele Marcolini, qal li m’hemmx dubju li din se tkun logħba diffiċli għall-Maltin hekk kif il-qawwa tal-avversarji hija tabilħaqq magħrufa minn kulħadd.
Huwa ddeskiriva lill-Ingliżi bħala fost l-aqwa ħames timijiet fid-dinja waqt li qal li fl-opinjoni tiegħu, l-iskorer prolifiku, Harry Kane, huwa wieħed mill-aqwa, jekk mhux l-aqwa attakkant fid-dinja fil-preżent.
Madankollu, huwa saħaq li jemmen fil-potenzjal tat-team immexxi minnu u żgur li l-Maltin se jkunu qed joħorġu mill-ground b’rashom mgħollija.
Huwa tenna li għandu l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni tiegħu. Mistoqsi minn dan il-ġurnal, jekk il-midfielder ewlieni Malti, Teddy Teuma, hux se jkun parti mill-formazzjoni maltija u jekk hux se jkun qed jibda mal-ewwel 11, huwa qal li Teuma rkupra sew mill-injury li kellu, trennja sew ma’ sħabu, u mistenni jkun inkluż f’din il-partita, għalkemm ma kkonfermax jekk tabilħaqq hux se jkun fil-formazzjoni inizjali.
Marcolini kompla biex qal li l-ambjent fid-dresisng room Maltija huwa wieħed eċċellenti u li jawgura ferm tajjeb għal din il-partita.
Intant, tkellem ukoll il-goalkeeper tat-team nazzjonali Malti u taċ-champions Hamrun Spartans, Henry Bonello. Huwa qal li din hija esperjenza unika għalih u għall-players sħabu li se jkunu qed jaffrontaw lill-ġganti Ingliżi.
Bħall-coach Marcolini, huwa qal li jinsabu ppreparati bis-sħiħ għal din il-partita u jemmen li se jkunu qed joffru oppożizzjoni denja lill-avversarji ferm iktar ikkwotati Ingliżi. Dan filwaqt li huwa wkoll iddeskriva l-ambjent fid-dressing room Maltija bħala wieħed mill-aqwa.