Saturday, December 21, 2024

Ħinijiet tal-ftuħ estiżi f’ħames siti ewlenin ta’ Heritage Malta sa Ottubru

Aqra wkoll

Minn Awwissu sal-aħħar ta’ Ottubru, ħames siti prominenti ta’ Heritage Malta qed jiftħu b’ħinijiet estiżi biex il-pubbliku jkun jista’ jesperjenza aktar mill-patrimonju Malti waqt li l-ġranet għadhom twal.

F’konformità mal-missjoni tagħha li tiffaċilita aċċessibbiltà akbar għall-wirt storiku li hija fdata bih, Heritage Malta qed testendi l-ħinijiet tal-ftuħ ta’ ħames siti storiċi ewlenin b’sagħtejn kuljum – waħda filgħodu u oħra filgħaxija.

Din l-inizjattiva hija mfassla biex tgħin lill-viżitaturi jagħmlu l-aħjar użu mill-ġranet twal tas-sajf, u tippermettilhom biżżejjed ħin biex jesploraw dawn is-siti b’pass rilassat. Il-viżitaturi issa jistgħu jgawdu l-mużewijiet matul is-sigħat friski ta’ kmieni filgħodu jew tard waranofsinhar, għal żjara aktar pjaċevoli u komda.

Is-siti inklużi f’dan il-proġett pilota huma l-wirja ‘An Island at the Crossroads’ fil-Mużew Marittimu ta’ Malta, u l-Forti Sant’Anġlu, it-tnejn fil-Birgu; il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija flimkien mal-Forti Sant’Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra, ilkoll fil-Belt Valletta; u l-Park Arkeoloġiku ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra fil-Qrendi. Dawn is-siti qed jiftħu kuljum mid-9:00am sas-7:00pm sal-aħħar ta’ Ottubru 2024.

B’dawn is-sigħat estiżi, u billi jinsabu fi nħawi vibranti, turistiċi u qrib il-baħar, dawn is-siti jistgħu faċilment ikunu ċ-ċirasa kulturali fuq itinerarju divertenti sajfi.

Heritage Malta tfakkar ukoll lill-pubbliku dwar il-kiosk il-ġdid li nfetaħ dan l-aħħar ħdejn l-Akkwarju Nazzjonali ta’ Malta, f’Buġibba. F’dan il-kiosk, wieħed jista’ jirċievi tagħrif dwar il-mużewijiet, is-siti u l-offerti tal-aġenzija, u jixtri biljetti sa tard filgħaxija. Barra minn hekk, l-Akkwarju Nazzjonali ta’ Malta issa jinkludi wkoll esperjenza immersiva unika maħluqa b’kollaborazzjoni mat-Taqsima tal-Wirt Kulturali ta’ Qiegħ il-Baħar (UCHU) ta’ Heritage Malta.

Ekonomija

Sport