Saturday, December 21, 2024

ĦITAN FUQ IL-FRUNTIERI U L-KARBA TAL-VULNERABBLI

Aqra wkoll

Illum tintemm iż-żjara ta’ Papa Franġsiku f’Malta. Żjara li se tintemm b’laqgħa ma’ l-immigranti fil-Laboratorju tal-Paċi. Il-post li offra kenn lil dawk vulnerabbli. Offra kenn lill-persuni li ħallew kollox warajhom biex isibu ħajja aħjar. Post li fih, l-immigranti jgħixu bħal aħwa. L-ebda differenza ta’ reliġjon jew xi ħaġa oħra ma tifridhom. Musulmani, Hindu, Kattoliċi jgħixu fl-istess post. Jieklu flimkien. Anke jitolbu flimkien għalkemm għandhom il-postijiet tagħhom fejn jitolbu. Illum dawn l-istess immigranti se jkunu qegħdin iwasslu l-karba tagħhom. Karba li xandarniha  f’din il-gazzetta proprju ġimgħatejn ilu.

Dawn l-immigranti u oħrajn għandhom ħafna x’jgħidu lill-Papa Franġisku. Is-sofferenzi li għaddew minnhom. L-abbużi li sofrew. Kif biex ifittxu ħajja aħjar, ħallew kollox warjahom u afdaw nies ma jafuhom biex iwassluhom lejn il-post li jaqbdu id-dgħajsa lejn l-Ewropa. Persuni li raw persuni oħra, ħbiebhom u familjari imutu waqt li qed jaqsmu id-deżert tas-Sahara. Raw katavri fl-istess deżert. Spiċċaw ittorturati f’detenzjoni Libjana. Ħarbu billi ħallsu l-flus. Oħrajn spiċċaw skjavi u kellhom jaħdmu xhur twal biex jifdu lilhom infushom.

Ħafna oħrajn kellhom tama kbira kif ittieħdu f’xatt il-baħar biex jaqbdu dgħajsa jew dinghi lejn l-Ewropa. Kien hemm min irnexxielu jasal. Ħafna oħrajn sabu qabarhom fil-Mediterrran. Oħrajn spiċċaw inqabdu mill-Gwardji tal-Kosta Libjani u ttieħdu lura lejn il-Libja. Reġgħu spiċċaw fid-detenżjoni.

Fl-aħħar xhur u snin rajna li minkejja li naqas l-ammont ta’ immigranti li qed jaqsmu qed jirriżulta li dawn l-istess vjaġġi baqgħu qattiela. Din is-sena biss, xejn inqas minn 300 immigrant mietu fil-Mediterran.

Il-mistoqsija kruċjali hi x’juri dan il-fatt? Nemmnu li dan juri li l-politika ta’ fortizza Ewropa, li hi mmexxija mill-Unjoni Ewopea falliet. Politika inumana li kull ma qed tagħmel hu toħloq aktar vittmi.

Minkejja appelli għal aktar umanità ma’ dawn il-vulnerabbli, anke mill-istess Papa Franġisku,  bqajna naraw l-Unjoni Ewropea tinforza l-fruntieri tagħha. Politika li għandha diversi għanijiet. Għas-snin li ġejjin, l-aġenzija responsabbli mill-fruntieri tal-Unjoni Ewropea, il-FRONTEX,  qed tippjana aktar miżuri b’mod partikolari teknoloġiċi biex twettaq aktar kontrolli fil-fruntieri.

U biex l-Unjoni ‘Ewropea tkompli tagħmel il-kontrolli fuq il-fruntieri u tibni l-ħitan qed tieħu fondi qawwija mill-Unjoni Ewropea. Fondi li ġejjin mit-taxxi tal-popli Ewropej. Sas-sena 2027, mill-aħħar baġit finanzjarju tal-Unjoni Ewropea, il-Frontex tkun ingħatat xejn inqas minn €5.6 biljun. 

 Jiddispjaċina ngħidu li din il-politika mhix qed tipproteġi l-ħajja umana. Anżi qed tpoġġi ħajjiet f’periklu u qed twassal biex jiżdied il-lemin estrem. 

Il-politika ta’ Fortizza Ewropea hi politika li ġġiegħlet tistħi. Flok tgħin lil min hu vulnerabbli u żvantaġġġjat, flok toħloq passaġġ sigur, qed toħloq ħitan. Dawn minnhom infihom huma opportunità ġdida biex min min jittraffika isib rotot ġodda, ħafna drabi aktar diffiċli. 

Hemm imbagħad il-każi ta’ immigranti li jiġu interċettati f’nofs ta’ baħar u jintbagħtu lura lejn il-Libja. Jiġi injorat għal kollox il-prinċipju li dawk interċettati għandhom dritt jitolbu għall-ażil f’pajjiż li huma jkunu siguri. Minflok qed jispiċċaw jittieħdu lura fil-pajjiż li minnu jkunu ħarbu. Dwar dan kien anke tkellem Papa Franġisku. Kien appella biex l-immigranti li jkunu salvati ma jerġgħux jintbagħtu lura l-Libja u pajjiżi oħra li mhumiex siguri u li hemm ‘il-vjolenza’.

Papa Franġisku kien talab lill-komunità internazzjonali biex iżżomm il-wegħdiet tagħha” u ssib soluzzjonijiet konkreti u fit-tul biex tirregola n-numru ta’ immigranti fil-Mediterran kollu.”

Hu kien appella għal leġiżlazzjoni li tiggarantixxi kundizzjonijiet ta’ ħajja dinjituża u li trid tipprovdi “alternattiva għad-detenzjoni, kif ukoll proċeduri legali ta’ immigrazzjoni u ażil.”

Il-Papa Franġisku ilu jagħmel appelli.  Ftit wara li sar Papa kien żar Lampedusa. Għaddew is-snin u llum tmien snin wara dik iż-żjara, il-karbiet tal-immigranti għadhom l-istess.

Ma nistgħux ma nistaqsux kemm jagħmel sens li lil dawn  l-imsejkna, wara l-vjaġġi trawmatiċi speċjalment dawk fil-baħar, nibqgħu naqfluhom fid-detenzjoni. Meta se nneħħu id-detenzjoni darba għal dejjem?

Nemmnu li l-Unjoni Ewropea jekk verament trid issir umana u tgħix is-solidarjetà – il-prinċipju li fuqu hi mwaqqfa, għandha tara li jinħolqu passaġġi siguri. Passaġġi siguri li joffru futur aħjar lil dawn il-persuni mingħajr ma jkollhom għalfejn jieħdu ir-riskji li qed jieħu llum biex jaqsmu l-Mediterran.

Ekonomija

Sport