Tuesday, December 10, 2024

L-ebda konferma dwar l-identità tal-vittma li possibbilment intuża biex tiġi traffikata droga

Il-Pulizija kawta fl-għoti tad-dettalji, iżda tinsab għaddejja b’investigazzjoni intensiva

Aqra wkoll

Aktar kmieni llum jidher li twettqet l-awtopsja fuq il-fdalijiet tal-katavru li nstab ilbieraħ f’bagalja barra l-promenade tal-Gżira.

Skont sorsi mill-investigazzjoni, il-pulizija temmen li l-vittma seta’ kien qed jintuża biex tiġi traffikata d-droga peress li skont l-ewwel indikazzjonijiet mill-awtopsja jidher li kellu droga ppakkjata fl-istonku tiegħu.

L-investigaturi jemmnu li l-omiċidju seħħ ftit sigħat biss qabel ma nstabet il-bagalja, peress li l-katavru ma kienx għadu beda jiddekomponi. In-nuqqas ta’ piż adegwat fuq il-bagalja wassal biex din żammet fil-wiċċ, u b’hekk ġiet innutata u rkuprata mill-pulizija.

Skont sorsi qrib l-investigazzjoni jidher ukoll li s-suspettat allegatament uża mannara fl-omiċidju. Minkejja l-qagħda makabra tal-katavru, l-investigaturi qed jistudjaw il-karatteristiċi tal-wiċċ sabiex jippruvaw jidentifikaw il-vittma. Rapporti oħra mhux konfermati qegħdin jgħidu li l-vittma kellu tattoos distintivi fuq ġismu.

Qiegħed ikun irrappurtat ukoll li f’dan l-istadju mhux qiegħed ikun eskluż li l-vittma kellu xi diżabbiltà skont il-mod ta’ kif instab imqiegħed fil-bagalja.

Huwa mifhum ukoll li l-Pulizija qegħdin jeżaminaw il-filmati tas-CCTV minn diversi lokalitajiet biex jippruvaw jinstabu l-ħatja wara dan ir-reat.

Din is-sejba orribbli tfisser ukoll li dan huwa l-ħames omiċidju li seħħ f’Malta din is-sena.

10:00 a.m:

Il-fdalijiet tal-katavru li nstabu fi stat makabru lbieraħ waranofsinhar jidher li huma ta’ raġel ta’ madwar 50 sena.

Minkejja dan rapporti oħra qegħdin jindikaw li l-età tal-vittma tista’ tvarja bejn l-40 u anke aktar minn 50 sena.

B’rabta mal-każ għaddejja investigazzjoni maġisterjali u l-Pulizija tinsab għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.

Intant aktar tard illum mistennija ssir l-awtopsja fuq il-fdalijiet tal-katavru li jistgħu jkomplu jixħtu aktar dawl dwar dan il-każ.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport