Floriana Young Stars u Qormi Daikin għaddew għall-fażi finali tal-Euro Hockey Challenge wara l-aħħar riżultati pożittivi li kisbu.
Ilbieraħ Floriana kisbu t-tieni rebħa tagħhom fil-grupp wara l i għelbu lil Futuset tan-Norveġja 3-1. Il-Greens skorjaw żewġ gowls fl-ewwel quarter u ieħor fit-tieni quarter u minn hemm l’ hemm ikkontrollaw sew lill-avversarji li min-naħa tagħhom ftit setgħu jagħmlu għajr li jiskorjaw gowl wieħed.
Ali Rizwan, Clive Williams u Karl Chircop skorjaw għal Floriana filwaqt li Fredrik Helgetveit naqqas il-marġni tal-iskor għan-Norverġiżi.
Issa t-tim immexxi minn Chris Attard jilgħab illum kontra Ginstrekteakad tal-Litwanja li spiċċaw fit-tieni post ta’ pool A.
Min-naħa tagħhom, Qormi ma kinux fl-azzjoni lbieraħ hekk kif kellhom iċ-ċans jitħarrġu sew taħt il-gwida tal-kowċ Andre Ghio. Huma se jkunu fl-azzjoni illum fi 11.45am kontra Lipovci tas-Slovenja għall-finali bejn l-ewwel u t-tielet post. Dan it-tim spiċċa fl-ewwel post ta’ Pool B.