Qormi Daikin taw l-ewwel telfa lil-leaders Trust Floriana Young Stars meta rebħulhom 2-1 fl-iktar logħba mistennija ta’ tmiem il-ġimgħa mill-kampjonat nazzjonali tal-hockey.
Il-Qriema kienu ferm determinati u dixxiplinati tattikament bi Floriana li kienu aggressivi pero’ ftit preċiżi quddiem il-lasta.
Din kienet it-tieni darba f’inqas minn ġimgħa li dawn iż-żewġ naħat kienu qed jiltaqgħu wara r-rebħa ta’ Qormi Daikin fis-Super Cup bl-iskor ta’ 3-1.
Min-naħa tagħhom, Floriana riedu punt biex matematikament isiru champions u issa jridu jistennew għal ġimgħa oħra biex jippruvaw jiksbu dan it-tragward.
Kienu l-Greens li ħarġu tajjeb fl-ewwel quarter u marru minn fuq permezz ta’ Mark Camilleri.
Qormi ġabu l-iskor indaqs fit-tieni quarter permezz ta’ John Williams sabiex it-tieni quarter għalaq 1-1.
Wara li fit-tielet quarter ma sar l-ebda gowl, it-tim immexxi minn Andre Ghio skorjaw il-gowl tar-rebħa grazzi għal John Williams li b’hekk għaqqad doppjetta personali.
Umpires kienu Alessandro Amore u Glen Bonello.
GREE Żurrieq Wolves Hotsticks ingħataw walk-over ta’ 2-0 kontra White Hart sabiex komplew jittamaw li jistgħu jirbħu t-titlu.
KLASSIFIKA – KAMPJONAT NAZZJONALI TAL-HOCKEY
Trust Payments Floriana Young Stars 12, GREE Żurrieq Wolves Hotsticks 10, Qormi Daikin 8, White Hart 2.
F’żewġ logħbiet li kellna mill-kampjonat ta’ taħt it-12-il sena, De La Salle Floriana għelbu bl-iskor minimu ta’ 1-0 lil GREE Żurrieq Wolves Hotsticks filwaqt li Qormi Daikin ixxalaw kontra Marsaskala Summer Nights A tant li rebħu 14-1.