Qormi Daikin għalqu l-istaġun 2021/2022 tal-hockey lokali bl-aqwa mod possibbli meta rebħu l-kompetizzjoni Knock-Out. Fil-finali huma għelbu lil Trust Payment Floriana Young Stars 4-1 sabiex sa ċertu punt taffew xi ftit mid-diżappunt li kellhom bit-telf tal-kampjonat.
Minkejja kollox ma kinitx logħba faċli għall-Qriema li sabu lill-avversarji Furjaniżi ferm motivati u dixxiplinati tattikament.
L-ewwel żewġ quarters kienu ferm bilanċjati b’Qormi li ppruvaw jieħdu s-superjorita’ iżda bil-Furjaniżi li kienu ferm kumpatti u għalkemm marru fil-vantaġġ kienu kapaċi jġibu l-iskor indaqs.
Kien biss fl-aħħar żewġ quarters li huma ċedew b’Qormi li skorjaw tliet darbiet mingħajr risposta.
Qormi marru minn fuq wara biss ftit sekondi permezz ta’ Keith Calleja li ħasad lill-gowlkiper Waylin Abdilla bejn il-lasti Furjaniżi.
Floriana baqgħu kalmi u lejn l-aħħar tal-ewwel quarter ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ penalty stroke skorjat minn Karl Chircop.
Hekk kif fit-tieni quarter ma ġie rreġistrat l-ebda gowl, Qormi ħarġu tajjeb fit-tielet wieħed u marru fil-vantaġġ b’penalty stroke ta’ Juan Sarcia.
Minkejja t-tentattivi ta’ Floriana, reġgħu kienu l-Qriema li ssiġġillaw ir-rebħa finali grazzi għal Clayton Gatt u Keith Calleja li b’hekk għaqqad doppjetta personali.
Fi tmiem il-konfront il-president tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey Gordon Mifsud ippreżenta t-tazza lill-plejer ta’ Qormi Daikin Duncan Edwards li għalih din kienet l-aħħar partita tiegħu ma’ dan it-tim.