Qormi Daikin jinsabu viċin li jirbħu l-kampjonat nazzjonali tal-Hockey wara rebħa kbira ta’ 9-0 li kellhom kontra White Hart. Kif mistenni l-Qriema ddominaw dan il-konfront b’Steve Tanti, Matteo Forani u Keith Bajada li kienu awturi ta’ doppjetta. Mill-banda l-oħra Duncan Edwards, Matthijs Bartels u Daniel Ellul żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom li issa jinsabu ħames punti bogħod mit-tieni tim fil-klassifika.
F’partita oħra mill-istess kampjonat, Gree Sliema Hotsticks għelbu lil Rabat bl-iskor ta’ 6-0. Ryan George kien il-protagonista assolut għas-Slimiżi hekk kif skorja hat-trick filwaqt li Chris Agius, Julian Zahra u Gary Bonnici niżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers.
Fil-klassifika, Qormi Daikin jinsabu fl-ewwel post bi 18-il punt segwiti minn Gree Sliema Hotsticks bi 13-il punt. Floriana Young Stars jinsabu fit-tielet post b’disa’ punti b’Rabat li għandhom tlieta u White Hart b’punt wieħed biss.
Sadanittant f’partita mill-kampjonat ta’ taħt l-14-il sena Gree Sliema Hotsticks għelbu lil Qormi Daikin bl-iskor ta’ 5-2 filwaqt li mill-kampjonat ta’ taħt it-18-il sena din id-darba kienu l-Qriema li rebħu 9-1 lis-Slimiżi.