Wednesday, July 24, 2024

ĦOLQIEN TA’ ENERĠIJA MILL-ISKART

Aqra wkoll

Il-Gvern ilu li tefa’ ħarstu biex jissaħħaħ il-proċess biex tiġi ġġenerata l-enerġija mill-iskart. Dan minnu nnifsu mhux biss jevita milli jerġgħu jinħolqu l-miżbliet imma li 192,000 tunnellata ta’ skart mhux riċiklabbli fis-sena, se jiġi kkonvertit f’enerġija ħadra.

Għandna għax nifhmu illi l-proċess tal-akkwist għall-faċilità tal-Waste-to-Energy wasal fl-aħħar stadji tiegħu. Dan hekk kif fl-aħħar jiem intgħażel il-konsorzju li se jkun qiegħed jibni u jopera l-impjant għal 20 sena. Ta’ min isemmi li l-WasteServ kienet irċeviet tliet offerti għal dan il-proġett, li huwa mifhum li lkoll għandhom reputazzjoni internazzjonali kbira.

Dan l-impjant, flimkien mal-impjanti l-ġodda tal-ipproċessar tal-iskart organiku, il-faċilità tal-irkupru tal-materjali, l-iSkip Management Facility u Faċilità tal-Inċineratur (Thermal Treatment Facility) se jkunu qed jippermettu lil Malta timxi għal ekonomija ċirkolari fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart.

Għalhekk hawn nappellaw sabiex il-pubbliku jkompli jikkopera fis-separazzjoni tal-iskart mhux biss għaliex issa hemm il-multi imma għax jaqbel għall-pajjiż u għall-ambjent. Saru passi kbar u pożittivi f’dan il-qasam madankollu nemmn għad fadal xi jsir biex kulħadd jifhem bl-importanza li wieħed jissepara l-iskart kif suppoost, li kulħadd jimxi mal-iskeda biex nevitaw ħafna boroż fit-toroq li jitħallew hemmhekk li mhux biss ikerrħu l-inħawi imma anke jista’ jkun ta’ dannu għas-saħħa pubblika.

Għalhekk id-dixxiplina b’mod ġustifikat u s-serjetà jibqgħu kruċjali f’dan kollu biex jintlaħaq is-suċċess mixtieq, u dan għaliex fl-aħħar mill-aħħar dak li nagħmlu u l-passi li rridu nieħdu f’dan is-settur, se jgawdu minnhom il-ġenerazzjonijiet tal-lum u anke dawk futuri.

Nittamaw li l-appelli li jsiru f’dan ir-rigward jintlaqgħu ħalli b’hekk jispiċċa t-tgergir fl-istess waqt li pajjiżna jidher isbaħ u aktar nadif. Miżura bħal din għandha tkompli tikkumplimenta azzjonijiet oħra li jistgħu jittieħdu fiż-żmien li ġej biex isaħħu dak li diġà sar fil-qasam tal-ambjent fiżiku, u nilħqu l-miri ffissati mill-Unjoni Ewropea.

B’hekk titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu inġenerali. Bħalma Malta kisbet kredibilità fil-qasam ekonomiku, hekk ukoll nittamaw li tagħmel fil-qasam tal-ambjent.

Ekonomija

Sport