Monday, February 2, 2026

Hospice Malta tinvesti fit-taħriġ tal-ħaddiema u professjonisti tagħha permezz ta’ Fondi Ewropej

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, żar lil Hospice Malta fejn iltaqa’ mat-tmexxija u l-istaff tal-organizzazzjoni biex jara mill-qrib kif fondi Ewropej qed jappoġġjaw inizjattivi ta’ taħriġ u żvilupp professjonali fil-qasam tal-kura palljattiva.

Dan il-proġett, iffinanzjat taħt il-programm Erasmus+, għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ il-kompetenzi u l-kapaċità tal-ħaddiema ta’ Hospice Malta sabiex l-organizzazzjoni tibqa’ toffri servizzi ta’ kura paljattiva ta’ kwalità għolja għall-pazjenti u l-familji tagħhom.

Permezz ta’ dan il-proġett, professjonisti ta’ Hospice Malta ħadu sehem f’esperjenzi ta’ job shadowing f’Aachen, fil-Ġermanja, u f’Galway, fl-Irlanda. Dawn l-esperjenzi ppermettew lill-parteċipanti josservaw prattiċi tajbin, approċċi innovattivi u mudelli avvanzati ta’ servizzi fil-qasam tal-kura palljattiva.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi rrimarka li investiment f’tagħlim u żvilupp professjonali bħal dan huwa kruċjali sabiex organizzazzjonijiet bħal Hospice Malta jkunu jistgħu jkomplu jsaħħu r-rwol importanti tagħhom fis-sistema tas-saħħa nazzjonali.

Il-proġett jinkludi wkoll tliet sessjonijiet ta’ ‘train-the-trainer’, li permezz tagħhom l-għarfien u l-esperjenza miksuba barra minn Malta qed jinqasmu ma’ membri oħra tal-istaff, sabiex il-benefiċċju tal-proġett ikun mifrux fuq l-organizzazzjoni kollha. Barra minn hekk, qed titwettaq kampanja ta’ informazzjoni u tixrid ta’ għarfien dwar il-kura paljattiva u l-importanza tat-taħriġ kontinwu f’dan is-settur.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Hospice Malta, Kenneth Delia, esprima l-apprezzament tiegħu għall-appoġġ tal-Fondi Ewropej u qal li dan il-proġett qed ikompli jsaħħaħ il-kapaċità tal-organizzazzjoni biex tipprovdi servizzi ta’ kura paljattiva ta’ eċċellenza. Huwa rrimarka li investiment fil-ħaddiema jfisser investiment dirett fil-kwalità tal-kura li jingħata lill-pazjenti u lill-familji tagħhom.

Il-Ministru temm iż-żjara billi tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jappoġġja inizjattivi li jagħmlu użu strateġiku mill-fondi Ewropej sabiex jissaħħu s-servizzi essenzjali bħal dawk offruti minn Hospice Malta u jitjiebu l-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti u tal-familji tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport