Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn meta kont żgħir ħafna, dejjem kelli l-ballun f’idi. Niftakarni nilgħab barra fit-triq ma’ ħbieb u dejjem kont nistenna l-ħin tal-logħob b’ħerqa kbira. Il-familja tiegħi dejjem kienet tappoġġjani u kienet tħeġġiġni biex insegwi l-passjoni tiegħi. Il-futbol għalija ma kienx sempliċi logħba, imma parti minni.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Victoria Hotspurs FC.
Li nilgħab ma’ Victoria Hotspurs hija esperjenza sabiħa u ta’ sfida fl-istess ħin. Hemm sens qawwi ta’ familja fi ħdan it-tim, u kulħadd jagħti l-mija fil-mija tiegħu. Qiegħed nitgħallem ħafna, kemm fuq il-pitch kif ukoll barra minnu. L-għan tiegħi hu li nkompli nikber bħala plejer u nagħti l-aqwa tiegħi biex ngħin lit-tim jirnexxi.
U dik passata ma’ Nadur Youngsters, fejn irbaħt anke l-Kampjonat?
Il-perjodu tiegħi ma’ Nadur Youngsters kien wieħed memorabbli. Kien tim b’saħħtu ħafna u stajt nitgħallem minn plejers b’esperjenza. Li nirbaħ zewg Kampjonati magħhom kienet ħolma li saret realtà, u kienet esperjenza li żgur ser nibqa’ nġorr magħna għal dejjem. Tatni ħafna kunfidenza u motivazzjoni biex inkompli mexxi ’l quddiem.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kemm hu differenti minn dak Għawdxi?
Il-futbol Malti qed jagħmel progress, speċjalment f’termini ta’ tattika u preparazzjoni professjonali. Hemm differenza bejn il-livell f’Għawdex u dak f’Malta, kemm fil-veloċità tal-logħba kif ukoll fir-riżorsi disponibbli. Iżda nemmen li Għawdex għandu talent kbir ukoll u bil-ħidma t-tajba, il-livell jista’ jitla’ aktar.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Fil-gżejjer tagħna, għadna nonqsu f’ċerti aspetti ta’ faċilitajiet. Hemm bżonn ta’ aktar investiment f’grawnds moderni u ambjent aktar professjonali għat-taħriġ. Iżda minkejja dan, bħala plejers nagħmlu l-almu tagħna bl-għodod li għandna u nkomplu nitħarrġu b’dedikazzjoni.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar ’il bogħod tiegħek fil-futbol?
Il-ħolma tiegħi hi li nikseb l-ogħla livell possibbli, kemm f’Malta u possibilment barra wkoll. Qiegħed naħdem kuljum fuq l-aspetti kollha tiegħi biex inkun l-aħjar verżjoni tiegħi nnifsi. Qatt mhu faċli, imma b’determinazzjoni u xogħol iebes, nemmen li kollox hu possibbli!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Tħallu lil ħadd jgħidilkom li ma tistgħux tagħmluha. Il-futbol jitlob ħafna sagrifiċċji, dedikazzjoni u paċenzja. Iżda jekk temmen fik innifsek, taħdem iebes, u tibqa’ umli, tista’ tasal fejn trid. Ħossok grat għal kull opportunità u ibqa’ tgħallem dejjem! Il-vjaġġ mhux dejjem faċli, imma żgur li jiswa!