Fil-ġranet li ġejjin ser tidħol fis-seħħ liġi li tipprovdi għall-ħruġ ta’ liċenzja għall-aġenti tal-propjetà immobbli, sensara tal-propjetà u konsulenti tal-propjetà. Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u Kostruzzjoni Chris Agius waqt Konferenza tal-Aħbarijiet fejn ta dettalji fuq din il-liġi.
Hu qal li wara xhur ta’ laqgħat mal-istakeholders ewlenin fis-settur, l-FIAU u anke l-MCAST, kif ukoll proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, il-parlament approva din il-liġi. Din il-liġi ser tkun qed teżiġi li kull persuna li tkun involuta bħala intermedjarja f’bejgħ ta’ propjetà, trid tkun illiċenzjata, ħlief għal dawk li ma jwettqux aktar minn żewġ transazzjonijiet fis-sena. Kull persuna li ser tkun qed taħdem bħala aġent tal-propjetà, konsulent tal-propjetà, maniġer ta’ fergħa u sensar tal-propjetà għandu jkollha ċertifikat li juri li jkun attenda kors f’istituzzjoni akkreditata li jkollu tal-anqas 12 jew 8 ECTS f’livell 4. Kull liċenzja ser tkun valida għal 5 snin u tkun tista’ tiġġedded jekk il-persuna lliċenzjata tissodisfa l-kriterji mitluba mill-Bord. Is-Segretarju Parlamentari qal li hu konvint li din il-liġi ser iġġib aktar trasparenza u aktar serħan il-moħħ għal kull min imiss mas-settur.