Sunday, March 23, 2025

Ħsara li la tinħafer u lanqas tintnesa

Aqra wkoll

Nifhem u nistenna li l-Partit Nazzjonalista, kemm fuq livell ta’ partit kif ukoll bħala Oppożizzjoni Parlamentari, jagħmel li jista’ biex ifixkel lill-Gvern Laburista. Anke jekk ikun hemm okkażjonijiet fejn jaqbeż il-limiti. Il-jiem li għaddew kienu aktar minn eżempju ċar ta’ strateġija bħal din.

Li ma naċċettax, u li jdejjaqni bil-kbir, huwa li minn ħdan il-Partit Laburista u anke fil-qalba tas-Servizz Pubbliku hemm min qed jagħmel ħsara kemm fuq livell ta’ Gvern u konsegwenzjalment fuq livell ta’ Partit. Jagħmlu dan waqt li jkunu bnew imperi għalihom mill-karigi għoljin li xi wħud waslu fihom b’qabżiet akbar minn ta’ kangaroo. Sadattant ikunu rabbew arja tremenda u jirrendu lilhom infushom qishom huma l-Ministri tad-dekasteri tagħhom.

Qatt ma kelli kantunieri. Ħsara bħal din la tinħafer u lanqas tintnesa. Almenu jien la naħfirha u lanqas ninsiha. Anzi f’moħħi dejjem jibqa’ dak li kien jgħidli n-nannu Grezzju Manxela: kull renju jiġi fi tmiemu u li ġebel ma’ ġebel jiltaqa’.

Iżda ma jistax ikun li nies bħal dawn jibqgħu jitħallew jagħmlu din il-ħsara. Aktar u aktar meta l-ħsara hija magħrufa u saħansitra rikonoxxuta, kemm fuq livell ta’ Gvern u anke fuq livell ta’ Partit. Ma jistax ikun li ħaddiema, kemm jekk huma Laburisti ġenwini u kemm jekk ta’ twemmin politiku ieħor, jissawtu psikoloġikament minn dawk li huma fid-dover li jaċċertaw li dan ma jseħħx, sempliċiment għax ma tkunx tal-klikka tagħhom, u ma taċċettax li tgħid iva għal kollox.

X’ġara u x’qed jiġri? Għandek uħud li, kif diġà għidtlek, telgħu l-iskaluni tas-sellum li jwassal għal fejn jinsabu llum b’veloċità enormi, li għaġġbet lil kulħadd. Naf sewwa li dawru lilhom infushom b’nies ħafna minnhom dgħajfa, fis-sens li jibżgħu jmorru kontra xi ħaġa li jgħidu huma, anke jekk ma tkunx ġusta u saħansitra tkun tikser ir-regolamenti konċernati. Jekk tieqfilhom jaraw kif jagħmlu biex b’xi mod jeħilsu minnek.

Jagħmlu dan waqt li jiġu jaqgħu u jqumu jekk psikoloġikament ikunux qed ikissru persuni kapaċi, anzi saħansitra kapaċi aktar minnhom, persuni li għandhom il-kapaċità u l-kuraġġ li jagħmlulhom il-mistoqsijiet diffiċli u antipatiċi, kif wara kollox jitlob id-dover. Jiġu jaqgħu u jqumu li jistgħu jkunu qegħdin jilagħbu ma’ karrieri tan-nies. Jiġu jaqgħu u jqumu jekk ikunux qegħdin jitkissru sistemi ġustifikati ta’ xogħol. Jagħmlu minn kollox biex idaħħlu spnar oħxon bejn kollegi li kienu ilhom jaħdmu flimkien is-snin, basta jsaltnaw huma. Ifred u saltan. Jagħmlu dan għax iħossuhom insiguri, jew għax jaħsbu li sforz l-arroganza li tkun ħakmithom ħadd ma jista’ għalihom. Jiffissaw li xi ħadd irid jeħdilhom posthom. U la darba jaslu f’tali sitwazzjoni allura jibdew jaġixxu b’manjieri perikolużi. Jibdew jaġixxu bħal tiranni.

Tant li saħansitra jaslu biex anke jimmanipulaw karigi. Jinħolqu karigi li ma kienux jeżistu u li jekk hemm lok għalihom allura jkun hemm min bir-raġun jippretendi li jkollu l-opportunità jidħol għalihom hu jew hi. Karigi li lill-pajjiż jiswewlu eluf sostanzjali ta’ ewro fis-sena. Karigi maħluqin speċifikament għal min iridu li jitwarrab minn ma’ djulhom.

Imma li forsi ma jkunx ġie kalkulat huwa li mhux kulħadd ikun lest ibiegħ l-integrità tiegħu. Mhux kulħadd ikun lest jagħmel żipp ma’ ħalqu għax jingħata kariga li magħha tkun iġġorr salarju ferm attraenti u ferm aħjar milli jkollu. Mhux kulħadd ikun lest jibda jissejjaħ ‘laħam mibjugħ’. Mhux kulħadd ikun lest jitkejjel b’xiber min joħroġ b’xi ħsieb bħal dan imma l-aqwa li jwarbu minn ma’ djulhom lil min ma jkunx lest jgħidilhom iva għal kollox.

Sadattant ikunu komplew jiżviluppaw l-imperi tagħhom b’għoti ta’ karigi mhux ġustifikati. Ħolqien ta’ armata ffurmata minn suldati tal-landa, li mal-inqas buffura jingħelbu f’tebqa’ t’għajn. Imma li jkunu jistgħu jiġu manipulati. Il-kredu ta’ dawn ikun li jneħħu dak li sabu, bit-tajjeb u l-inqas tajjeb tiegħu, u joħolqu tmexxija ġdida. Tmexxija li tmiss mal-linji manipulattivi u saħansitra dittatorjali.

Biex kollox jimxi pari passu mal-ħolqien tal-imperu dawn l-imperaturi finta jkunu jridu l-palazz tagħhom bil-lussu li dan jitlob miegħu. Il-flus mhux problema. Iħallas il-poplu. U naf li hekk sar.

Jekk turi li m’intix lest timxi mal-kurrent allura stenna li titwarrab. Stenna li se jsirlek minn kollox biex idejquk u titlaq minn jeddek. La darba ma tkunx blajt il-lixka b’togħmitha tajba ħafna.

Jekk tibqa’ reżiljenti allura anke stenna alleati ta’ dawn l-imperaturi finta jwerżqu f’wiċċek u jipprovaw jintimidawk. Jeħduha bi kbira li tieqfilhom għax mhux hekk imdorrijin. Imma l-aqwa li għal għajn in-nies kemm aħna twajbin, kemm nafu nitolbu, kemm nafu nivvintaw talb u x’jimporta kemm tbatija nikkawżaw lil subordinati tagħna.

Huma dawn it-tip ta’ nies ‘ta’ ġewwa’ li qegħdin jagħmlu ħsara kbira lill-Gvern u konsegwenzjalment lill-Partit Laburista. Stejjer ta’ din ix-xorta smajt mhux ftit. Vittmi ta’ nies bħal dawn naf ukoll. Stejjer t’arroganza. Stejjer tal-biki. Stejjer li wasslu lil wħud f’tarf ta’ preċipizzju.

Immaġina x’sitwazzjoni pjetuża. Imma ibqa’ ċert li dawn l-imperaturi finta kapaċi jittrasformaw lilhom infushom fi ħrief u nagħaġ. Jekk ikun hemm bżonn ikunu lesti jiċħdu u jbiegħu lil dawk l-istess suldati tal-landa li jkunu qdewhom b’lealtà assoluta. Basta jsalvaw ġildhom.

Nittama biss li ma nsibx lil min jipprova jikkontradixxini fuq dan li rrakkontajtlek.

Tal-aħħar lill-imperaturi finta: Ġebel ma’ ġebel jiltaqa’. Kull renju jiġi fi tmiemu. Anke tagħkom.
[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport