Il-Bank HSBC Malta ġedded il-ftehim Gold Partnership Agreement mal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta, u saħħaħ l-impenn tiegħu li jappoġġja lin-negozji Maltin. Il-Kap tas-Servizzi Kummerċjali Bankarji ta’ HSBC Malta Joyce Grech iffirmat il-ftehim flimkien mal-President tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta Marisa Xuereb u d-Deputat President Chris Vassallo Cesareo.
Permezz ta’ din l-isħubija, HSBC Malta se jkompli jappoġġa l-ħidmiet li għaddejjin bħalissa mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta filwaqt li joħloq avvenimenti konġunti uniċi li permezz tagħhom il-bank iwassal il-kompetenza internazzjonali u l-konnessjonijiet kummerċjali tiegħu lill-membri. Iż-żewġ partijiet impenjaw ruħhom ukoll li jorganizzaw serje ġdida ta’ seminars virtwali u fiżiċi biex jgħinu lill-kumpaniji jinnavigaw fl-ambjent li qed jinbidel malajr u ta’ sfida.
Joyce Grech, Kap tas-Servizzi Kummerċjali Bankarji ta’ HSBC Malta qalet: “Din is-sħubija mġedda mal-Kamra tal-Kummerċ tirrifletti l-impenn ta’ HSBC Malta lejn il-komunità tan-negozju lokali. L-għarfien espert globali disponibbli għall-bank wera li huwa riżors imprezzabbli għall-membri matul il-pandemija u fin-navigazzjoni tal-isfidi sussegwenti tal-katina tal-provvista. Aħna impenjati li niżguraw li din il-kompetenza tibqa’ disponibbli għall-membri fix-xhur u s-snin li ġejjin hekk kif jippreparaw in-negozji tagħhom għal sfidi futuri inkluża d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija.”
Marisa Xuereb, President tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta, qalet: “L-alleanza strateġika bejn HSBC Malta u l-Kamra tal-Kummerċ ilha numru sabiħ ta’ snin. Flimkien, għamilna numru ta’ avvenimenti korporattivi u webinars edukattivi li kienu ta’ benefiċċju reali għall-membri tagħna. Qed inħarsu ‘l quddiem biex inkomplu nesploraw opportunitajiet ġodda mfassla biex jgħinu lill-ekonomija ta’ Malta tikber u tevolvi.”