Friday, May 17, 2024

HSBC parti minn proġett li għen biex jitnaqqas l-użu ta’ 100,000 flixkun tal-plastik

Aqra wkoll

12-il dispenser tal-ilma tax-xorb appoġġjati mill-Bank HSBC Malta għenu lit-tfal tal-iskola jiffrankaw madwar 100,000 flixkun tal-plastik. Bis-saħħa tal-mili ta’ fliexken li jistgħu jerġgħu jintużaw b’total ta’ 32,770 litru ilma tax-xorb, studenti fi 12-il skola madwar Malta bbenefikaw mill-isforzi ta’ HSBC Malta fit-tnaqqis tal-iskart tal-plastik.

Fl-aħħar nofs seklu, il-produzzjoni tal-plastik żdiedet b’riżultat ta’ użu mifrux ta’ fliexken tal-polyethylene terephthalate (PET) irħis li ħafna drabi jintuża għal soft drinks u ilma tax-xorb, u jħallu effett detrimentali fuq l-ambjent. Bl-installazzjoni ta’ dispensers moderni tal-ilma ħelu, 12-il skola għamlu progress sinifikanti fit-tnaqqis tal-użu tal-plastik. Id-dispensers, li jinkludu sistema integrata tad-diżinfezzjoni tal-ilma li tiggarantixxi s-sigurtà u l-kwalità tal-ilma mingħajr ma taffettwa t-togħma, ġew ipprovduti minn Woosh Limited.

Id-Direttur Eżekuttiv u Kap tas-Sostenibbiltà tal-Bank HSBC Malta, Michel Cordina (fiċ-ċentru) qed iżur dispenser tal-ilma ħelu installata f’waħda mit-12-il skola. Ritratt: HSBC Malta

Michel Cordina, Direttur Eżekuttiv u Kap tas-Sostenibbiltà tal-Bank HSBC Malta, qal: “Iktar minn miljun flixkun tal-plastik jinxtraw kull minuta globalment, u aktar minn 80 fil-mija ta’ dawn jispiċċaw fl-ibħra u l-oċeani tagħna. HSBC Malta ilu jappoġġa l-konsum responsabbli tal-ilma u t-tnaqqis tal-iskart tal-plastik. Billi niffinanzjaw l-installazzjoni ta’ dispensers tal-ilma tax-xorb fl-iskejjel qed nagħtu kontribut prattiku immedjat filwaqt li ngħinu wkoll biex nedukaw lit-tfal żgħar dwar l-importanza ta’ konsum sostenibbli.”

Il-proġett sar bil-kollaborazzjoni tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma (EWA) fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża. Manuel Sapiano, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija nnota li: “Dan il-proġett pilota jindirizza l-provvista ta’ ilma tax-xorb nadif u sigur fl-iskejjel, filwaqt li jevita l-użu ta’ fliexken tal-plastik li jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-ambjent tagħna. Eżempju veru ta’ miżura li tirbaħ kulħadd li twassal għal futur aktar sostenibbli.”

Sport