Din is-sena, il-festa ta’ Santa Marija, bħal fi snin oħra, reġgħet kienet waħda ta’ suċċess mil-lat turistiku għall-gżira Għawdxija. Dan il-fatt jirrifletti li Għawdex għadu destinazzjoni popolari mal-Maltin u l-barranin. Dan minkejja li f’Malta hawn diversi lokalitajiet oħra fejn jiċċelebraw din il-festa.
Imma din il-festa f’Għawdex għadha kalamita għall-ħafna. Dan seħħ minkejja l-ħafna tgergir li bir-raġun isir kontra l-iżvilupp eżaġerat f’din il-gżira. L-għadd ta’ nies li qattgħu jiem f’Għawdex f’dan il-perjodu huwa wieħed inkoraġġanti għall-ekonomija inġenerali tal-gżira tat-tliet għoljiet.
Riflessjoni oħra ta’ dan huwa l-eluf ta’ passiġġieri li qasmu l-fliegu fl-ewwel ġimagħtejn t’Awwissu, li skont ma juru r-riżultati qed jiżdied minn sena għall-oħra, u qegħdin jintlaħqu u saħansitra jinqabżu ċ-ċifri ta’ qabel ma pajjiżna nħakem mill-pandemija tal-Covid-19 li ġiet fuqna bla mistenni. L-istatistika turi li fl-ewwel ħmistax t’Awwissu qasmu l-fliegu kważi 290,000 persuna li jfisser żieda ta’ 8.22% fuq dak reġistrat is-sena li għaddiet.
Qed jiġi nnutat ukoll li l-Maltin li qed jixtru proprjetà f’Għawdex qed jiżdied. Fenomenu li jista’ jkun qiegħed jaffettwa ħażin l-industrija tal-akkomodazzjoni Għawdxija, però mill-banda l-oħra qed ikun pożittiv fl-infiq li dawn jagħmlu f’ristoranti u ħwienet oħra.
Ma nistgħux ukoll ma nsemmux illi t-turiżmu barrani lejn Għawdex qiegħed kulma jmur ikompli jiżdied. Dan minnu nnifsu jitlob li l-mezzi tat-trasport bejn iż-żewġ gżejjer għandhom joffru dejjem servizz mill-aħjar biex is-suċċessi li qed jinkisbu ma jintilfux.
Wieħed jinnota wkoll li l-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer kompliet titjieb bis-servizz tal-fast ferry, li fis-sentejn minn kemm ilu jopera, s’issa diġà huwa magħruf li ġarr eluf kbar ta’ passiġġieri.
Għalhekk huwa essenzjali li s-servizz tal-ġarr tal-passiġġieri jibqa’ wieħed adekwat, frekwenti u puntwali. Għawdex bħal Malta għandu ħafna x’joffri lil dawk li jżuruh kemm f’oqsma kulturali, storiċi u anke bl-għadd ta’ attivitajiet li qed ikunu organizzati b’mod tajjeb ħafna. Minn dak li jidher, dan jawgura futur sabiħ kemm-il darba l-investiment fl-oqsma kollha jibqa’ jkun sostnut.