Wednesday, December 25, 2024

Ħtieġa li l-konsumatur u l-ambjent ikunu protetti mill-użu ta’ kimiċi perikolużi

Aqra wkoll

“Huwa kruċjali li nipproteġu lin-nies u lill-ambjent mill-użu ta’ kimiċi perikolużi u li jistgħu jinstabu fi prodotti li jintużaw fil-ħajja ta’ kuljum”. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Ministru għall-Inklużjoni, l-Għaqdiet Volontarji u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, f’intervent li għamlet waqt konferenza f’Pariġi, fi Franza li attendew għaliha ministri mill-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

Is-suġġett li trattat il-konferenza ministerjali kien l-użu tal-kimiċi u kif l-stati membri jistgħu jipproteġu aħjar is-saħħa tal-konsumatur u l-ambjent minn ċerti kimiċi perikolużi. Bħalissa qed issir analiżi ta’ prodotti differenti, fosthom ġugarelli, prodotti kożmetiċi, ħwejjeġ u oġġetti li jintużaw fil-kċina biex wieħed isajjar fihom.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli enfasizzat li minbarra li jiġu stabbiliti l-kriterji li permezz tagħhom jiġu identifikati liema huma l-prodotti li wieħed għandu jqis bħala essenzjali għal dan l-eżerċizzju, huwa wkoll daqstant importanti li l-konsumatur ikun eduktat u infurmat.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli flimkien mal-ministri tal-Unjoni Ewropea fi Franza

Hija qalet li dan kollu għandu jsir fl-istess waqt li l-industrija tiġi inċentivata biex tkompli tinvesti fl-innovazzjoni. “Għandna nfittxu li ngħinu lill-industrija billi nħalluha tkun aktar proattiva f’dan ir-rigward. Mod wieħed kif isir dan huwa li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni ma tirrestrinġix jew toħnoq l-innovazzjoni bla bżonn.”

Il-Ministru Farrugia Portelli sostniet li l-enfasi m’għandhiex tkun biss fuq il-ħsara li ċerti kimiċi jistgħu jagħmlu, iżda għandha tingħata wkoll importanza lil prodotti essenzjali li l-konsumatur juża ta’ kuljum. Il-Ministru kompliet tgħid li Malta hija miftuħa li tesplora l-possibbiltà li jiġu applikati ċerti prinċipji li bħalissa qed jintużaw taħt leġiżlazzjoni differenti.

Hija temmet tgħid li huwa kruċjali għall-Unjoni Ewropea u għall-istati membri tagħha li kollettivament jidentifikaw soluzzjonijiet u jkun stabbilit bilanċ ġust bejn il-bidla meħtieġa ’l bogħod mill-użu ta’ kimiċi perikolużi filwaqt li jipprovdi biżżejjed flessibbiltà li tiffaċilita l-użu ta’ kimiċi partikolari marbuta ma’ prodotti essenzjali.

Ekonomija

Sport