Monday, November 11, 2024

ĦTIEĠA TA’ AKTAR MATURITÀ PARLAMENTARI

Aqra wkoll

It-tiġdid normalment isir biex is-sitwazzjoni titjieb u mhux bil-kontra. Fl-aħħar xhur gvern Laburista wettaq riforma li nemmnu li setgħet tkun potenzjalment waħda importanti li baqgħet qatt ma ttieħdet qabel. Dan hekk kif fil-parlament rajna żieda ta’ membri parlamentari nisa biex jiżdied il-bilanċ bejn is-sessi f’din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. L-irwol tal-parlament huwa li r-rappreżentanti magħżulin mill-poplu jservu ta’ vuċi għalih. Għalhekk nemmnu li bl-akbar ammont ta’ membri parlamentari, din il-leġislatura kellha toffri rappreżentanza aktar denja, aktar maturà, għallinqas minn dawk tal-leġislaturi li għaddew.

Bħala ġurnal li jsegwi mill-qrib dak kollu li jingħad fil-parlament stajna ninnutaw parteċipazzjoni medjokri minn ċertu deputati li l-ħin kollu ma refgħux għajnejhom minn fuq dak li kellhom miktub quddiemhom. 

F’waħda mill-aħħar seduti nnuttajna l-esperjenza parlamentari tad-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis li ġibed l-attenzjoni dwar x’jgħidu l-istanding orders għall-kelliema li ma għandhomx jaqraw kontinwament minn diskorsi u li dak li jaqraw minħabba ċertu dokumentazzjoni li tkun trid tiġi kkwotata, għandha titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Nagħmluha ċara li għalkemm Dr Zammit Lewis waqt id-diskors tiegħu rrefera għall-Oppożizzjoni, b’mod speċjali għall-Kap tal-Oppożizzjoni u qal li dan imdorri juża din il-prassi, nistgħu ninnutaw li membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra qegħdin jibbażaw id-diskorsi tagħhom minn diskorsi miktubin lesti neqsin mill-ispontanjetà. Huwa sostna li jaqra kelma b’kelma mid-diskorsi min ma jemminx f’dak li qed jitkellem dwaru, għax jista’ jkun kitibulu ħaddieħor. Naqblu ma’ dak li ġibed l-attenzjoni dwaru anke meta qal li iktar jagħmel sens li kelliem jitkellem 10 minuti u jesprimi dak li jemmen fih, milli jieħu nofsiegħa jew tliet kwarti mill-ħin tal-Kamra biex joqgħod jaqra d-diskorsi.

Fil-fehma tagħna, tajjeb li nżommu f’moħħna li siġġu parlamentari huwa riżultat tal-fiduċja tal-elettorat u li miegħu mhux biss iġorr privileġġ, iżda anke d-dmir li jservih bl-aħjar mod possibbli. Dan ċertament ma nemmnux li jkun il-każ meta xi deputati jagħmlu diskorsi sħaħ jaqraw minn fuq dokument li xi drabi tant ikun hemm tlaqliq u skossi li toħroġ ċara li dawn jew ma jkunux ppreparaw id-diskorsi huma jew li saħansitra lanqas biss ikunu qraw l-istess dokument imħejji.

Lil hinn minn dan kollu, il-ħsieb tad-dibattiti huwa li titressaq kritika kostruttiva għall-ġid komuni. Mis-seduti parlamentari ta’ wara l-elezzjoni ftit li xejn jirriżulta dan. Iktar drabi milli le, suġġetti ta’ portata nazzjonali jispiċċaw jiddawru f’ballun politiku li minnu li minnu l-poplu Malti żgur li ma jgawdi xejn.

Sport