Fil-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità l-General Workers’ Union (GWU) iltaqgħet ma’ grupp ta’ stakeholders li jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità bl-iskop li jiġu diskussi l-isfidi u l-ostakli li jaffaċċjaw persuni b’diżabilità meta jidħlu fid-dinja tax-xogħol, minkejja l-iżviluppi kollha li jseħħu madwarna. Kif ukoll proposti bl-iskop aħħari li jkunu diskussi f’aktar dettall biex ikunu jistgħu jsarrfu f’aktar inklużjoni.
Matul il-laqgħa li ttellgħet fil-Workers’ Memorial Building, ġew diskussi diversi sitwazzjonijiet, anke personali, fosthom każi fejn jingħalqilhom il-bieb f’wiċċhom minn uħud minn min iħaddem meta jsiru jafu bid-diżabilità tagħhom, ma jingħatax xogħol skont il-kapaċitajiet intellettwali, ikunu esklużi minn diversi attivitajiet. Kif ukoll sitwazzjonijiet diffiċli u forsi mbarazzanti li jiltaqgħu magħhom persuni b’diżabilità fuq il-post tax-xogħol kif ukoll min iħaddem u l-kollegi.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja fetaħ din id-diskussjoni billi qal li bħala GWU inħasset il-ħtieġa li f’dan il-jum tiltaqa’ flimkien ma’ diversi stakeholders relatati biex flimkien jiddiskutu diversi xenarji fuq il-postijiet tax-xogħol. L-isfidi li anke bħala GWU taffaċċja fuq il-postijiet tax-xogħol f’isem persuni b’diżabilità membri tagħha kif ukoll viċi-versa, id-diffikultajiet li jsibu persuni li jkunu jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità. Hekk kif ħafna drabi dan kollu jseħħ minħabba nuqqas ta’ tagħrif utli fost min iħaddem u l-kollegi u allura ma jkunux jafu x’ikun l-aħjar li jsir u kif isir. Aktar u aktar meta tkun diżabilità moħbija.
“Fuq suġġeriment ta’ Christine-Ann Deasey qed nipproponi li tittella’ konferenza bejn diversi stakeholders relatati biex flimkien niddiskutu kemm l-ostakli kif ukoll il-proposti li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għal aktar inklużjoni fuq il-postijiet tax-xogħol. Li kieku l-pajjiż in ġenerali jingħata aktar għarfien nemmen li nagħmlu passi kbar ‘il quddiem fejn tidħol inklużjoni,” qal Bugeja.
Żied jgħid li bħala GWU se tkun qed tagħti taħriġ speċifiku lill-uffiċjali kollha tagħha biex inkunu nistgħu ngħinu aħna wkoll negħlbu dawn il-barrieri li għad hemm u li jinqalgħu maż-żmien.
Christine-Ann Deasey, attivista favur I-inklużjoni, li twieldet bl-Ispina Bifida, qalet li għalkemm din il-kundizzjoni mhix faċli, iżda tgħallmet tkun b’saħħitha u reżiljenti, fejn tipprova dejjem tibdel l-isfidi f’opportunitajiet bil-għan li tara pajjiż aktar inklussiv.
“Fl-aħħar snin sar progress kbir fl-inklużjoni, speċjalment fejn jidħlu l-aċċessibbiltà u l-opportunitajiet ta’ xogħol għall-persuni b’diżabilità. Iżda għad fadal ħafna x’isir. Għalhekk għandna nibqgħu nsemmgħu leħinna biex intejbu s-servizzi, b’mod partikolari dawk relatati mal-aċċessibbiltà u l-mobilità – żewġ sfidi li jaffettwaw ħafna lilna u lill-familji tagħna,” qalet Deasey.
“Bħala persuna b’diżabilità l-aktar ħaġa li laqtitni hija r-rieda tal-GWU li tisma’ l-ideat tagħna u taċċetta li tkun il-vuċi tagħna fuq il-postijiet tax-xogħol, hekk kif aħna, bħal kull ħaddiem ieħor, ukoll għandna bżonn min jaqbeż għad-drittijiet tagħna. Għalhekk nittama li din il-laqgħa tkun il-bidu ta’ konverżazzjoni li neħtieġu ħafna fejn jidħlu l-opportunitajiet indaqs fis-settur tax-xogħol għall-persuni b’diżabilità sabiex kull persuna b’diżabilità tkun tista’ tgħix u tipparteċipa fis-soċjetà b’mod ugwali u indipendenti.”
Valerie Brincat, Occupational Therapist, kif ukoll Public Relations Officer & Parent Support Aid fl-Autism Parents Association tara li min iħaddem mhux qed ikun ippreparat u mgħarraf biżżejjed dwar kif għandu jiddjaloga u jikkomunika ma’ persuni b’ċerti diżabilitajiet, bħal fil-każ tal-awtiżmu. Nemmen li min iħaddem għandu jingħata t-taħriġ partikolari biex jadatta kemm jista’ jkun għall-persuna b’diżabilità li jħaddem miegħu.
“Jiena omm ta’ tliet itfal adulti bl-awtiżmu u kull wieħed u waħda minnhom għandhom il-bżonnijiet partikolari tagħhom. Għalhekk nemmen li permezz ta’ edukazzjoni speċjalizzata li noffru lil min iħaddem inkunu qed ngħinuh iħossu aktar komdu mal-ħaddiem tiegħu u viċi-versa. Meta aħna noffru aktar inċentivi u għajnuna lil min iħaddem se nġiegħluhom ikunu aktar entużjasti li jħaddmu persuni b’diżabilità.”
Marthese Mugliette, President tal-Malta Federation Organisations of Persons with Disability kif ukoll omm persuna b’nuqqas intellettwali qalet li temmen li jeħtieġ li dawn il-ħaddiema b’diżabilità jkunu ppreparati minn qabel, l-ewwel u qabel kollox b’edukazzjoni ta’ kwalità.
“Jien nemmen li persuni b’diżabilità ma għandhomx jaħdmu f’sheltered employment għal għomorhom, jekk irriduhom jintegraw. Fuq il-post tax-xogħol se jidraw l-ambjent li joffri post tax-xogħol, kif ukoll jintegraw mal-kollegi tagħhom u viċi-versa. Għandhom jingħataw support professjonali proprju fuq il-post tax-xogħol tagħhom, fejn ikunu jafu li jekk għandhom bżonn support, jekk ikunu f’diffikulta, hemm fuq min iduru,” żiedet tgħid Mugliette.
Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport stqarr li l-ewwel u qabel kollox ma tistax tiġbor id-diżabilitajiet kolllha f’daqqa, fi grupp wieħed. Żball komuni fost ħafna bħalma huwa żball li jippruvaw jiġu solvuti s-sitwazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità permezz ta’ programmi. Hekk kif f’każi bħal dawn trid tipprepara lill-persuna b’diżabilità għall-post tax-xogħol partikolari b’mod individwali.
“Waħda mill-ikbar problemi li naffaċċjaw fl-Aġenzija Sapport hekk kif fostna jaħdmu diversi persuni b’diżabilitajiet differenti, hija biex persuna b’diżabilità tkun aċċettata mill-kollegi fuq il-post tax-xogħol, speċjalment meta d-diżabilità tkun fl-imġieba tal-persuna. Iżda meta mbagħad tagħtihom iċ-ċans, malajr tara li ssir waħda minnhom.
Żied jgħid li permezz ta’ diskussjonijiet bħal dawn joħorġu suġġerimenti kif nistgħu nħarsu ‘l quddiem u nsaħħu l-potenzjal li naraw iżjed persuni b’diżabilità fil-postijiet tax-xogħol.
Rhoda Garland, Kummissarju tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità qalet li, “Meta l-liġi li jkun hemm persuni b’diżabilità f’kull post tax-xogħol ġiet infurzata, in-numri żdiedu. Madankollu jinħass kemm min iħaddem kellu ċerta biża’, u għad għandu, mill-persuna nnifisha, biża’ li tista’ tkorrilu, li l-profitti se jonqsu, li ma jkollux post aċċessibbli biżżejjed, meta fir-realtà jeżistu diversi skemi li joffru għajnuna kemm lill-persuni b’diżabilità fuq ix-xogħol kif ukoll lil min iħaddem biex jgħin kemm jista’. Għalhekk jiġri li biex is-sid isolvi dan kollu joffrilhom xogħol sempliċi, kemm taparsi tahom xi ħaġa x’jagħmlu.”
Żiedet tgħid li minkejja li f’ċerti każi l-persuna tkun kapaċi toffri ħafna aktar minn dak li jingħatalha, madankollu taċċetta li tibqa’ hemmhekk minħabba d-diffikultajiet biex issib post tax-xogħol ieħor li joffrilha possibilitajiet li taħdem u tavvanza skont il-kapaċitajiet tagħha. Dan ifisser li għad trid tinbidel il-perspettiva.
“Meta min iħaddem iħossu f’diffikulta rigward ħaddiema b’diżabilità jista’ jirrikorri l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità fejn noffru disability and quality training, li jindirizzaw is-sitwazzjonijiet li jistgħu jinħolqu. Permezz tagħhom min iħaddem jista’ jserraħ rasu li l-persuna b’diżabilità li se jħaddem miegħu se tkun qed toffri l-kapaċitajiet kollha tagħha.
Celia Falzon, Kap Eżekuttiv ta’ JobsPlus qalet li minkejja l-opportunijiet li jeżistu għall-persuni b’diżabilità fost il-ħafna ġid li qed isir, tinħass il-ħtieġa ta’ aktar professjonisti fuq dan il-qasam li jkunu hemm kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-ħaddiema kollegi tal-persuna b’diżabilità u fuq kollox għall-persuna b’diżabilità li tkun daħlet taħdem.
“Hekk kif kull persuna hija unika u kull xogħol huwa uniku, jeħtieġ aktar assistenza biex ikunu amalgamati bl-aħjar mod possibbli l-persuna b’diżabilità u dak ix-xogħol partikolari li tkun taħdem fih. Nemmen li permezz ta’ aktar ħidma konġunta bejn il-JobsPlus u Lino Spiteri Foundation nistgħu nkomplu nżidu l-ħidma tagħna f’dan is-settur partikolari biex inkunu aktar ta’ sapport għal inklużjoni massima,” żiedet tgħid Falzon.
Fi stqarrija li ħarġet il-European Trade Union Confederation (ETUC) qalet li persuni b’diżabilità se jkomplu jkunu żvantaġġati fuq il-post tax-xogħol u affettwati b’mod sproporzjonat mill-faqar sakemm il-Kummissjoni Ewropea ma tbiddilx il-linji gwida tagħha għal min iħaddem f’regoli.
Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat “Strateġija għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità’, li tinkludi pakkett biex ittejjeb ir-riżultati tas-suq tax-xogħol tal-persuni b’diżabilità.


