Friday, November 22, 2024

ĦTIEĠA TA’ BIDLA FIL-MENTALITÀ

Aqra wkoll

Fil-proċess marbut ma’ elezzjonijiet interni fi ħdan il-Partit Laburista għandna persuni li qegħdin jiltaqgħu mad-delegati u l-membri fl-ibliet u l-irħula. Mingħandhom qegħdin jisimgħu dak li qed idejjaqhom. Dak li ilu jdejjaqhom. Qegħdin jisimgħu l-karbiet tagħhom. Il-weġgħat. Fost dawn hemm dak li jħossuhom li ġew injorati u mwarrbin. Qegħdin jisimgħu dak li jaffettwaħhom b’mod negattiv fil-ħajja ta’ kuljum. Min mod u min ieħor.

Il-mistoqsijiet li qiegħda ssir minn dawn il-persuni mweġġgħin hi sempliċi ħafna. Wara l-elezzjonijiet interni, l-affarijiet se jinbidlu? Se jiġu indirizzati dawn il-weġgħat? 

Il-problemi u n-nuqqasijiet ilhom ġejjin. Ma feġġewx fl-aħħar sena. Lanqas fl-aħħar sentejn. Il-problemi ilhom jakkumulaw u llum għandna faxex sħaħ li jħossu li l-kwalità tal-ħajja tagħhom marret għall-agħar flok aħjar. Xi drabi iħossuhom numri. Iħossu li ħadd mhu jagħti kashom. Sitwazzjonijiet li jitranġaw biss jekk wara l-elezzjonjiet interni isir dak li hu bżonnjuż li jsiru.

Dan ifisser li jkun hemm bidla fil-mentalità. Wieħed irid jammetti li għall ammont ta’ żmien kien hawn nies, anke ta’ ċerta influwenza li bdew jitkellmu li d-distakk għadu qawwi. Min jaf kemm tgerrxu nies b’dawn id-dikjarazzjonijiet. Min jaf kemm nies tnaffru, għax flok semgħu xi jgħidu, ingħataw l-impressjoni li l-karba tagħom mhix importanti għax id-distakk ta’ voti hu kbir. 

Mal-bidla fil-mentalità li nistmaw lil kulħadd u nisimgħu lil kulħadd, irridu ukoll inneħħu mill-arroganza li biha ukoll tnaffru ħafna nies.  Ma jibqgħux jaraw in-nies numri. Iżommu f’moħħu li wara kull ilment hemm karba u weġgħa. 

It-triq ‘lquddiem mhix faċli. Il-bidu ta’ proċess ta’ tiġdid hu dejjem wieħed iebes. Lil minn dan imma dan hu proċess meħtieġ. Hemm bżonn u ilha tinħass li hemm bżonn jiddaħħal demm ġdid. Hemm bżonn arja ġdida. Il-Partit Laburista kien jidher staġnat. Biżżejjed inħarsu lejn in-nuqqas ta’ interess fil-kumitat lokali. In-nuqqas ta’ interess biex persuni jersqu ‘lquddiem u jitfgħu n-nominazzjoni tagħhom għall-elezzjonijiet lokali. 

Nittamaw li wara dawn l-elezzjonijiet, tibda ħidma mill-qiegħ. Fil-lokalitajiet u jiġu indirizzati l-weġgħat. Sitwazzjonijiet li mhux dejjem għandu tort il-gvern imma jaffettwah ħafna lin-nies.

Nisimgħu l-ilmenti tal-pubbliku fuq il-banek u ċertu kumpaniji  li joffru servizzi. Nisimgħu l-ilmenti ta’ bankini meħudin bl-imwejjeġ tan-negozji. Ċerti mediċini tal-POYC li huma ta’ kwalità inferjuri. Il-kwistjonijiet marbutin ma’ promozzjonijiet u trasferimenti.  Il-kwistjoni ta’ l-ispazji miftuħa. L-infurzar fit-toroq. Se nibqgħu dejjem nagħfsu liż-żgħir. Meta se nkunu aktar sensittivi? It-traffiku, li donnu anke fis-sajf baqa’ wieħed qawwi. Ma’ dawn imbagħad għandhom il-problemi soċjali li qegħdin jikbru u jiżdiedu. Il-kostruzzjoni u l-inkonvenjenzi tagħha.

M’għandniex dubju li dawk li se jkunu fit-tmexxija Laburista wara l-elezzjonijiet li se jsiru, dawn il-problemi jafu bihom. Nittamaw li dawn jiġu trattati. U qabel jiġu trattati, wieħed irid jammetti u jirrikonoxxi li kien hemm l-iżbalji.  Żmien aktar x’jintilef ma’ hemmx.

Sport