Sunday, December 22, 2024

Ħtieġa ta’ soluzzjonijiet innovattivi biex jitreġġa’ lura d-deterjorament tad-drittijiet tal-ħaddiema

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja fil-konferenza annwali tal-ILO

Aqra wkoll

F’diskors li għamel is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja waqt il-110 Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol li tiltaqa’ f’Ġinevra, l-Iżvizzera huwa saħaq kemm id-dinja teħtieġ soluzzjonijiet innovattivi biex treġġa’ lura d-deterjorament tad-drittijiet tal-ħaddiema, ittejjeb l-opportunitajiet tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-produzzjoni, u l-governanza tax-xogħol. Filwaqt li faħħar kemm l-ekonomija soċjali u ta’ solidarjetà f’Malta qed tevolvi b’pass mgħaġġel.

“F’perjodu ta’ rkupru wara l-pandemija, għandna nkunu qed nitkellmu dwar l-irkupru, ix-xogħol deċenti u l-ġustizzja soċjali. Minflok, kuljum qegħdin nitkellmu u naraw l-attakki orribbli tar-Russja fuq l-Ukrajna. Attakki li qed jitwettqu b’nuqqas totali ta’ attenzjoni għall-kunċetti kollha ta’ demokrazija, sovranità, liġijiet internazzjonali u trattati dwar id-drittijiet tal-bniedem,” qal is-Sur Bugeja.

Matul din il-Konferenza li ttellgħet bejn is-27 ta’ Mejju sal-11 ta’ Ġunju 2022, ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet, tal-Ħaddiema u ta’ Min Iħaddem minn 187 Stat Membru tal-ILO fosthom Malta ltaqgħu biex jiddiskutu kwistjonijiet tad-dinja tax-xogħol fil-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol (ILC). Konferenza li ssir ta’ kull sena f’Ġinevra.

F’din id-diskussjoni tar-Rapporti tad-Direttur Ġenerali u taċ-Chairperson tal-Korp Governattiv, f’isem il-ħaddiema Maltin kollha, is-Sur Bugeja kkundanna dawn l-attakki mhux ipprovokati, mhux ġustifikati u llegali u saħaq li huwa jingħaqad b’solidarjetà mal-gvern, il-ħaddiema u min iħaddem fl-Ukrajna.

Żied jgħid li minbarra l-mewt ta’ nies innoċenti, dawn l-avvenimenti koroh qed joħolqu xokk għall-ekonomija globali, qed iżidu l-ġuħ u l-instabbilità u jkomplu jikkumplikaw l-irkupru mill-pandemija. 

“Ir-riżultat tal-pandemija u issa l-invażjoni tal-Ukrajna aggravaw id-defiċits ta’ xogħol deċenti li kienu jeżistu qabel, żdied il-faqar, il-kundizzjonijiet tax-xogħol marru għall-agħar, wessgħu l-inugwaljanzi u kixfu lakuni diġitali madwar id-dinja filwaqt li poġġew pressjoni addizzjonali fuq is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali.”

Din il-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol (ILC) li tistabbilixxi l-istandards internazzjonali tax-xogħol u l-politiki wesgħin tal-ILO, spiss imsejħa parlament internazzjonali tax-xogħol, hija wkoll forum għad-diskussjoni ta’ kwistjonijiet soċjali u tax-xogħol ewlenin. Kull Stat Membru huwa rappreżentat mid-delegati tal-gvern, ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema. 

Ir-rwol ewlieni tal-ILO fil-promozzjoni tal-Ekonomija Soċjali u ta’ Solidarjetà ġej mill-mandat kostituzzjonali tagħha. Minbarra d-Dikjarazzjoni taċ-Ċentinarju, fl-2021 l-ILO sejħet għal aġenda ffokata fuq il-bniedem u rrikonoxxiet ir-rwol tal-Intrapriżi Soċjali u ta’ Solidarjetà għal irkupru b’opportunità ta’ xogħol deċenti għal kulħadd.

“L-ekonomija soċjali u ta’ solidarjetà tista’ tkun parti mis-soluzzjoni peress li tapprova l-inklussività, id-dinjità umana, is-sostenibbiltà ambjentali u x-xogħol deċenti fl-attivitajiet ekonomiċi tagħha fuq l-akkwist leġittimu għall-profitt. 

“Hija l-ekonomija tan-nies u tista’ tgħin fit-trasformazzjoni tas-soċjetajiet tagħna biex ikunu aktar ġusti u inklussivi. M’għandi l-ebda dubju li l-ekonomija soċjali u ta’ solidarjetà tista’ wkoll issir parti essenzjali mill-għodda għall-kisba tal-Aġenda 2030 għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti,” żied jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Huwa tenna li l-ekonomija soċjali u ta’ solidarjetà f’Malta qed tevolvi b’pass mgħaġġel. B’koperattivi, NGOs u organizzazzjonijiet volontarji b’saħħithom u stabbiliti, iktar minn 1,800 organizzazzjoni volontarja jimpjegaw eluf ta’ impjegati. 

“Hekk kif huwa stmat li madwar 40 koperattiva fi 15-il settur differenti, inklużi l-farmaċewtiċi, it-trasport, l-agrikoltura u s-sajd jiġġeneraw xejn inqas minn €120 miljun fis-sena, f’dawn l-aħħar snin, l-awtoritajiet pubbliċi u diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi ffirmaw ftehimiet  għall-għoti ta’ servizzi speċjalizzati fis-soċjetà tagħna.”

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU semma’ kif il-Gvern Malti dis-sena ppubblika “l-Att tal-2022 dwar l-Intrapriża Soċjali”  li tiffaċilita l-iżvilupp ulterjuri ta’ intrapriżi soċjali sostenibbli biex jindirizzaw xi wħud mill-ħtiġijiet tas-soċjetà tagħna filwaqt li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku.

Filwaqt li Malta ffirmat ukoll id-“Dikjarazzjoni ta’ Toledo dwar l-Intrapriża Soċjali”, rikonoxximent u impenn biex tappoġġja ekosistemi favorevoli għall-ekonomija soċjali u ta’ solidarjetà u tiżgura li jkun hemm fis-seħħ l-appoġġ finanzjarju meħtieġ biex tagħmilha vijabbli u sostenibbli.

Is-Sur Bugeja temm id-diskors tiegħu billi ddedika d-diskors tiegħu lill-ħabib u eks Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union li miet il-ġimgħa li għaddiet, Tony Zarb li qal li se jibqa’ mfakkar għad-dedikazzjoni u l-impenn tiegħu għad-drittijiet tal-ħaddiema, il-General Workers’ Union u Malta.

Ekonomija

Sport