Il-Gvern ippreżenta emenda ġdida dwar l-Abbozz 28 li se jassigura li tkun imħarsa l-ħajja u s-saħħa tal-omm meta jirriżultaw kumpilkazzjonijiet mediċi waqt it-tqala. L-emenda proposta se tkun diskussa fl-istadju ta’ Kumitat Parlamentari fil-jiem li ġejjin wara li l-Abbozz kien għadda mill-istadju tat-Tieni Qari.
Id-dettalji dwar din l-emenda ngħataw f’konferenza stampa li kienet indirizzata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard. Intqal li dan il-pass qed jittieħed wara diskussjoni wiesgħa ma’ firxa akbar ta’ nies fosthom ma’ professjonisti u anke dawk li kienu favur u kontra l-emenda li tressqet oriġinarjament.
L-emenda issa se tkun kif ġej, li ma jkun twettaq l-ebda reat taħt is-sub-artikolu (2) tal-artikolu 241 jew l-artikolu 243 meta t-tmiem ta’ tqala jew ħsara lill-fetu tirriżulta minn intervent mediku magħmul bil-għan li tkun salvata l-ħajja u protetta s-saħħa ta’ mara tqila li tkun qiegħda tbati minn kymplikazzjoni medika li tkun tista tqegħdilha ħajjitha f’riskju immedjat jew saħħitha f’periklu gravi li jista’ jwassal għall-mewt.
“Issa qed nagħtu serħan il-moħħ lil kulħadd xi rridu nfissru bil-kelma ‘periklu gravi’. Ikunu biss f’dawn l-istanzi li jistgħu jsiru interventi biex tiġi salvata ħajja ta’ mara, meta din tkun tqila,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Huwa spjega wkoll li fl-emenda jingħad li l-eżenzjoni mir-responsabbiltà kriminali għandha tapplika biss jekk wara li jkunu kkonsidrati l-prattiċi mediċi kurrenti f’Malta xorta jkunu jissusistu ċirkostanzi ta’ neċessità li jiddettaw li jsir l-intervent mediku u jekk jitwettqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:
fil-każ ta’ mara tqila li tkun qiegħda tbati minn komplikazzjoni medika li tkun tista’ tqegħdilha ħajjitha f’riskju immedjat l-intervent mediku jsir meta fil-fehma raġjonevoli tat-tabib li jwettaq l-intervent il-fetu ma jkunx laħaq iż-żmien ta’ vijabbiltà; jew
fil-każ ta’ intervent mediku li jsir minħabba komplikazzjoni medika li tqiegħed is-saħħa ta’ mara tqila f’periklu gravi li jista’ jwassal għall-mewt.
Id-Deputat Prim Ministru spjega li se jiżdied il-kriterju ta’ żmien ta’ vijabbiltà, li huwa dak il-punt matul tqala li fih il-fetu jkun kapaċi li jgħix barra mill-utru skont il-prattiċi mediċi kurrenti.
Fearne tenna li “nifhem li kull min hu ta’ rieda tajba qed jara li din hija emenda favur il-ħajja, li se tħalli lill-professjonisti tagħna jagħmlu xogħolhom skont is-sengħa tagħhom. Emenda li sserraħ ras ukoll lin-nisa tqal u li se taqta’ l-possibiltà tal-abbuż li aħna ma rridux.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Jonathan Attard qal li “se nibqgħu l-Gvern li ma jibżax jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi biex insaħħu dak li huwa qafas leġiżlattiv ta’ pajjiżna u nassiguraw li ċ-ċittadini ta’ pajjiżna jirrikorru għas-servizz tas-saħħa provdut mingħajr biża’ u xkiel.
“Din hija emenda favur il-ħajja. Li tipprovdi l-komfort legali lill-professjonisti mediċi biex jintervjenu l-ħajja tal-mara,” tenna l-Ministru Attard.