Għal ħames sena konsekuttiva, f’Jum San Valentinu, il-Fondazzjoni Marigold nediet kampanja edukattiva ffukata fuq il-prevenzjoni u s-saħħa tal-qalb.
Il-Kampanja ta’ Għarfien Kardijaku għandha l-għan li teduka lill-pubbliku ġenerali dwar id-differenza bejn attakk tal-qalb u “qalb għajjiena”, kif ukoll dwar l-importanza tal-prevenzjoni u l-għarfien tas-sintomi.
Dan ġie spjegat minn Mr Robert Xuereb, Konsulent fil-Kardjoloġija u Membru Onorarju tal-Bord tal-Fondazzjoni Marigold, li enfasizza kemm huwa essenzjali li nieħdu ħsieb is-saħħa tal-qalb tagħna u nkunu attenti għal sintomi li jistgħu jwassluna biex naġixxu fil-ħin opportun u nfittxu trattament adegwat.
Is-Sinjura Michelle Muscat, Fundatriċi u Chair tal-Fondazzjoni Marigold, qalet li f’lejlet dan il-jum partikolari – meta l-Fondazzjoni qed tiċċelebra t-12-il anniversarju mit-twaqqif tagħha kif ukoll tfakkar l-10 anniversarju tal-Alleanza Nazzjonali tal-Mard Rari, huwa mument ta’ riflessjoni dwar kemm huwa importanti li nkomplu nitgħallmu dwar il-mard u napprezzaw il-progress fil-mediċina, fix-xjenza u fl-edukazzjoni, li flimkien jagħmlu differenza reali fil-prevenzjoni u fil-kwalità tal-ħajja.
Hija spjegat li t-tliet pilastri li fuqhom twaqqfet il-Fondazzjoni – is-saħħa, il-qasam soċjali u l-edukazzjoni, qed jiġu indirizzati b’mod ċar permezz ta’ din il-kampanja.
Is-Sinjura Muscat żiedet tgħid li l-Fondazzjoni Marigold temmen fl-avvanz ta’ kull ċittadin u fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja permezz ta’ għarfien, edukazzjoni u servizzi ta’ appoġġ. B’dan il-mod, organizzazzjonijiet volontarji bħall-Fondazzjoni qed jikkontribwixxu b’mod konkret biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli sostnuti min-Nazzjonijiet Uniti.
Kien preżenti wkoll is-Sindku ta’ Valletta, Olaf Mac Kay, li qal li inizjattivi bħal dawn fil-qalba tal-belt mhux biss jagħtu ħajja lill-belt, iżda jgħinu wkoll biex jedukaw kemm lill-Maltin kif ukoll lit-turisti li jgħaddu minn hemm.
Matul il-ġurnata ta’ lejlet Jum San Valentinu, il-Kampanja għall-Għarfien Kardijaku animat Pjazza Regina b’mużika u żfin mal-pubbliku. Lil dawk preżenti tqassmu tuffieħ aħmar b’sinifikat doppju : simbolu tal-imħabba, iżda wkoll messaġġ ċar dwar l-importanza ta’ dieta bilanċjata, stil ta’ ħajja attiv u kura personali.
Il-kampanja hija organizzata minn The Marigold Foundation b’kollaborazzjoni mal-Unit tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei u bl-appoġġ tal- KUNSILL LOKALI TAL- BELT VALLETTA.

