Friday, December 13, 2024

“Hu importanti Malta torganizza dawn it-tip ta’ serati li eventwalment se jiġu segwiti minn stazzjonijiet internazzjonali” – David Walliams

Aqra wkoll

Ritratti – ALAN SALIBA

Hekk kif illejla se jsiru l-Malta Film Awards f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta, il-personalita’ li ġibdet l-għajn bla dubju kien David Walliams. Dan tal-aħħar għandu 50 sena u fl-Ingilterra hu magħruf ferm minħabba diversi rwoli li għandu fosthom kummidjant, kittieb tal-kotba tat-tfal kif ukoll personalita’ televiżiva. Hu jibqa’ l-aktar magħruf għax-xogħol li wettaq ma’ Matt Lucas fil-programmi fuq BBC bl-isem ta’ Rock Profile, Little Britain u Come Fly with Me. 

Walliams ilu bħala judge fil-programm Britain’s Got Talent sa mill-2012 filwaqt li ħadem bħala attur f’diversi produzzjonijiet televiżivi fir-Renju Unit. 

Hu għandu namra partikolari għall-kitba b’mod partikolari dik immirata għat-tfal minħabba li kiteb diversi novelli li ħafna bdew jikkomparawhom mal-kittieb ċelebri Roald Dahl. Is-suċċess tant kien wieħed kbir li saħansitra kiseb kuntratt mal-pubblikatur Harper Collins. 

Walliams ħa sehem ukoll f’diversi avvenimenti għall-karita’ minħabba li hu bħala bniedem għandu għal qalbu l-volontarjat kif ukoll li jagħti għajnuna lin-nies fil-bżonn. 

Sadanittant fiż-żjara tiegħu f’Malta, Walliams deher ferm kuntent u wiegħed li se jagħti l-almu tiegħu sabiex jippreżenta din is-serata bl-aqwa mod possibbli.

“Ninsab kuntent, onorat u kburi li se nkun qed nippreżenta serata bħal din li milli smajt hi l-ewwel waħda ta’ din ix-xorta fil-gżejjer Maltin. Nemmen li Malta għandha potenzjal kbir u għalhekk avvenimenti bħal dawn huma ferm importanti.”

Walliams huwa l-mistieden speċjali tal-Kummissjoni Maltija tal-Films immexxija minn Johann Grech li fil-konferenza stampa li saret ftit ilu ddeskriva dan l-avveniment bħala ċelebrazzjoni tal-istorja ta’ suċċess li diversi produtturi tal-films u ħaddiema oħra tant ilhom jaħdmu għalih. 

Fil-fatt disgħin nominati se jkunu qed jikkompetu fi 18-il kategorija differenti bir-rebbieħa li  se jkunu qed jitħabbru f’xandira diretta li se ssir fuq it-televiżjoni aktar tard illejla. 

Il-Malta Film Awards se jkunu l-avveniment ta’ qabel tal-aħħar f’ġimgħa ferm impenjattiva għall-Kummissjoni Maltija tal-Films li ħadmet qatigħ sabiex lejla bħal dik li se ssir tkun ippjanata bl-aqwa mod possibbli. 

Walliams saħaq dwar l-importanza ta’ dawn l-awards fi gżira li fl-opinjoni tiegħu hi meravilja.

“Hu importanti Malta torganizza dawn it-tip ta’ serati li eventwalment se jiġu segwiti minn stazzjonijiet internazzjonali bil-produtturi ta’films oħrajn li jistgħu jitħajru jiġu hawnhekk sabiex jiġbdu l-produzzjoni tagħhom. Dan iservi wkoll ta’ riklam u għalhekk aktar turiżmu lejn Malta.”

Hu saħaq ukoll dwar il-potenzjal li għandha din il-gżira fejn fil-ftit sigħat li ilu hawnhekk seta’ jinduna bix-xenarji uniċi li hi miżgħuda biha. 

Walliams ma naqasx milli jsemmi n-namra tiegħu lejn il-kitba għat-tfal.

“Milli smajt ħafna tfal Maltin huma diġa’ eċitati sabiex jiltaqgħu miegħi. Saħansitra l-pilota tal-ajruplan li kont fih jien irrimarka li t-tifla tiegħu kienet qed tistenna dan il-mument għax taqra ħafna mill-kotba tiegħi. Dan jimlieni b’kuraġ sabiex inkompli nikteb għat-tfal u nimraħ fid-dinja tal-fantasija li huma tant iħobbu.”

“It-tfal iġibu ħafna għaqda, huma jafu jaħsbu sew u qatt m’għandek tinjora l-opinjoni tagħhom. Jien nisma’ ħafna mit-tfal Ingliżi u naffaxxina ruħi meta jkunu qed jitkellmu għax quddiemi nkun qed nara l-futur tal-popolazzjoni Ingliża.”

Finalment Walliams semma’ li din il-gżira hi magħrufa għall-film The Gladiator li kien inħadem Malta lura għas-snin disgħin u qal li din il-produzzjoni ħalliet legat sew tal-gżejjer Maltin. Hu temm jgħid li dawn huma kollha opportunitajiet sbieħ u għalhekk sostna li l-futur tal-industrija tal-films f’Malta għandha futur sabiħ quddiemha. 

Ekonomija

Sport